Central Link: Il-Kunsill ta’ Ħ’Attard irid ikun jaf aktar

B’risposta lill-Ministru Ian Borg, il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qal li jeħtieġ aktar tagħrif dwar il-Proġett Central Link, qabel ma jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu.

Dan wara laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret fil-Parlament din il-ġimgħa, meta l-Ministru Borg qal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard għadu ma ħax pożizzjoni dwar il-Proġett Central Link.

Il-Kunsill saħaq li qiegħed jinforma ruħu fuq il-proġett tant li rrealizza li l-proposti għall-proġett ilhom jinbidlu. Qiegħed jeżamina bir-reqqa wkoll l-istrateġija proposta għat-trasport. Il-Kunsill qal li għaddej b’diskussjonijiet kemm internament, u anke ma’ nies oħra midħla tal-qasam.

B’appell lill-Gvern u lill-Ministru Borg, il-Kunsill talab li tinħareġ l-informazzjoni kollha dwar il-proġett u dwar il-viżjoni tal-Gvern għal trasport sostenibbli.

Dan l-appell isegwi appell ieħor li għamlu r-residenti ta’ Ħ’Attard ftit tal-jiem ilu, meta talbu lill-Prim Ministru biex jinvesti f’mina taħt l-art minflok bypass, sabiex jiġi evitat it-traffiku. Aktar kmieni talbu lill-Gvern biex tiġih ħniena mis-47 bidwi li se jkun affettwat minn dal-proġett.

Il-Proġett Central Link qajjem kontroversja sħiħa fost ir-residenti u l-NGOs minħabba li wassal biex jitqaċċtu numru ta’ siġar, minkejja li l-Ministeru għall-Ambjent kien qal illi dan il-proġett se jiżra’ 212-il siġra ġdida.

Jidher li l-Gvern stess hu konxju li dan il-proġett x’aktarx ma jservix għal tul ta’ żmien.