Central Link: “Ħallu lill-bdiewa jgawdu r-raba’ tagħhom” – L-Oppożizzjoni

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom imissu mal-proġett tas-Central Link għandhom jibqgħu jgawdu r-raba’ tagħhom.

Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni qalet li l-Gvern għandu jerfa’ responsabbiltà u jaċċerta ruħu li l-art tingħata lura f’kundizzjoni tajba sabiex il-bdiewa jkunu għadhom jistgħu jużawha.

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lil Infrastructure Malta li dewmet ix-xogħlijiet li kellhom isiru biex ir-raba’ ma jitħalliex fl-istat li kien fih qabel. “Dan wassal biex illum dan ir-raba’ spiċċa bix-xtiebi tagħhom miftuħa, siġar maqlugħin, bjar miftuħa u l-ħamrija mitfugħa fil-ġenb. Għaldaqstant, dawn il-bdiewa qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet kbar biex ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu r-raba’ tagħhom, u dan meta hija r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li dan ikun possibbli li jibqa’ jsir.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura Edwin Vassallo u l-Kelliem għall-Infrastruttura Toni Bezzina temmew l-istqarrija billi appellaw lill-Gvern biex jiżgura li x-xogħlijiet meħtieġa jsiru mingħajr aktar dewmien.

Il-Ministru Ian Borg fuq il-proġett fi Frar li għadda
Filmat: Central Link: “Kellna raġun nikkumbattu l-irwiefen” – Borg