Central Link: “Erġgħu aħsbuha” – NGOs lill-Gvern u lill-PA

Photo: Archives

Numru ta’ NGOs, ewlenin fosthom il-Bicycle Advocacy Group u l-Attard Residents’ Environmental Network, qed jitolbu lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jerġgħu jaħsbu dwar il-proġett tas-Central Link, li għandu jeqred aktar minn 600 siġra matura.

Aqra: Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard b’appell lill-Gvern dwar Central Link

L-NGOs talbu lill-Gvern u lill-PA jikkunsidraw l-oġġezzjonijiet tagħhom:

  1. Li se jinqerdu 48,000 metri kwadri ta’ art agrikola għad-detriment ta’ ħafna bdiewa. 
  2. Li se jinqerdu aktar minn 600 siġra matura, uħud minnhom protetti u uniċi.
  3. Li numru ta’ infrastrutturi kulturali fil-viċinanzi tal-Kappella ta’ San Pawl se jkunu affettwati direttament billi se jkollhom jitwaqqgħu jew inkella se jkunu fir-riskju li ssirilhom il-ħsara kemm waqt ix-xogħlijiet kif ukoll meta tinfetaħ it-triq għall-użu.
  4. Li numru kbir ta’ residenti (stmat aktar minn 1,200) se jkunu prattikament iżolati miċ-ċentru tar-raħal b’żewġ toroq maġġuri.
  5. Li t-tniġġis tal-arja u tal-ħoss iġġenerat mit-traffiku għaddej minn Triq Oliver Agius, Triq Ferdinand Inglott u Triq Tumas Chetcuti se jiżdied drastikament.
  6. Li t-traffiku li jgħaddi minn Ħ’Attard minn Triq Ħal Warda, Triq iż-Żagħfran u Triq in-Nutar Zarb mhux se jitnaqqas.
  7. Li se jkun hemm inkonvenjenza u żieda fit-traffiku fis-service roads u t-toroq residenzjali tal-viċin.
  8. Li s-seba’ junctions mir-Rabat sal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) mhumiex konnessi, u skont l-NGOs, dan jagħmilhom perikolużi għal min ikun bir-rota jew bil-mixi.
  9. Li r-residenti taż-żona ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara u n-nies ġejjin minn minn dawn l-inħawi mhumiex se jkollhom netwerk bażiku ta’ rotot tar-roti biex jaqsmu min-naħa għall-oħra ta’ din it-triq u b’hekk ikollhom jużaw il-karozza.
  10. Li n-nuqqas ta’ netwerk bażika għar-roti u żoni siguri pedonali jiskoraġġixxi lin-nies milli taqleb għal mezzi ta’ trasport alternattivi biex jitnaqqas it-traffiku.

Aqra: Central Link: Il-Kunsill ta’ Ħ’Attard irid ikun jaf aktar

AREN u BAG qalu li huma ssottomettew diversi proposti lill-Gvern, bħal rotot alternattivi, immaniġġjar tat-traffiku aħjar, netwerk ta’ rotot siguri għar-roti u l-kostruzzjoni ta’ mina jew il-kostruzzjoni ta’ triq ġdida taħt dik eżistenti biex b’hekk jitnaqqas it-tniġġis tal-ħoss. L-NGOs stqarrew li l-proposti tagħhom ġew injorati ripetutament fit-tfassil tal-pjanti l-ġodda għall-proġett. 

Aqra: 550 siġra aktar fil-proġett Central Link – Borg

L-NGOs AREN, BAG, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta), Futur Ambjent Wieħed, Isles of the Left, Moviment Għaqda Siġar Maltin, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers’ Association of Malta u Żminijietna, appellaw lill-awtoritajiet biex jirbaħ is-sens komun biex ikun salvagwardat l-ambjent urban u rurali, biex tiġi promossa bidla favur mezzi tat-trasport alternattivi u anke s-saħħa tar-residenti ta’ Ħ’Attard.

Aqra: Central Link: Jibdew petizzjoni favurih

Mhumiex l-NGOs biss li huma kontra dan il-proġett, iżda numru ta’ persuni rrikorrew għal Facebook biex juru d-diżappunt tagħhom bit-tibdil infrastrutturali, partikolarment għax dan se jwassal għall-qerda ta’ għadd sostanzjali ta’ siġar.

Jekk tneħħi 549 siġra minn masġar li jinfirex tul eluf ta' kilometri kwadri, tħalli roqgħa kerha, donnha t-tonsura li…

Posted by Immanuel Mifsud on Wednesday, July 17, 2019

Death in numbers. 💀549 – the number of trees that will be uprooted because of the Central Link Attard to Rabat road.

Posted by Steve Bonello Art & Illustration on Monday, July 15, 2019

Il-Partit Demokratiku tenna s-sejħa tal-NGOs u wkoll appella lill-Gvern biex jerġa’ jaħseb dwar id-deċiżjoni tiegħu fuq il-proġett infrastrutturali li l-PD sejjaħ “żgwidat u li mhux se jtejjeb verament is-sitwazzjoni.”

Il-PD ukoll appella għal għażliet alternattivi, mezzi alternattivi tat-trasport, karreġġjati aħjar għar-roti, u tkellem ukoll fuq il-ħsara li se ssir għall-għajxien tal-bdiewa, u t-telfien ta’ art agrikola.

Il-Kap Interim tal-PD, Godfrey Farrugia, qal li “Il-PD jikkritika l-Environmental Impact Assessment li sar għax ma jiħux inkonsiderazzjoni induced demand. Għaldaqstant il-konklużjonijiet tagħha huma żbaljati meta kkalkolaw il-livelli ta’ tniġġis bil-proġett jew mingħajru, billi aktar karozzi se jżidu t-tniġġis għad-detriment tar-residenti.”