Ċensu Galea flok Kristy Debono bħala l-President tal-Kunsill Ġenerali

Read in English.

Ċensu Galea ġie approvata bħala l-President tal-Kunsill Ġenerali u se jkun qed jieħu post Kristy Debono li rriżenjat minn din il-kariga, skont il-PN.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista iltaqa’ llum fid-9 am fid-Dar Ċentrali.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Kumitat Eżekuttiv unanimament qabel li bejn il-21 ta Frar u l-5 ta’ Marzu jibdew isiru laqgħat ta’ assemblej bis-sehem tal-Kunsillieri tal-partit fejn matulhom isiru diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-istatut il-ġdid li qed jipproponi Louis Galea. Galea kien tqabbad mill-Kap tal-partit Adrian Delia biex imexxi r-riforma interna fil-partit.

“Dan għandu jwassal għall-adozzjoni tal-istatut waqt il-Kunsill Ġenerali f’Marzu u wara jiskatta l-proċess tal-elezzjonijiet interni, fosthom dawk tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istess laqgħa, Louis Galea għamel preżentazzjoni dettaljata bil-linji gwida lill-membri tal-Eżekuttiv bħala familjarizzazzjoni mal-ideat tar-riforma, li għandhom iwasslu għall-abbozz finali tal-istatut”, qal il-PN.

Bħalissa mistoqsija fuq fomm bosta hija jekk Adrian Delia huwiex se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara ġimagħtejn ta’ prova għall-pożizzjoni tiegħu. Newsbook.com.mt mar Birkirkara, raħal twelid Adrian Delia, biex jistaqsi lin-nies huma x’jaħsbu, jekk għandux jibqa’ Kap jew jirreżenja.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista uxxenti, Robert Arrigo, qal li mhux interessat ikun parti mill-Partit Nazzjonalista, la fil-preżent u lanqas fil-futur.

Intant, Francis Zammit Dimech inħatar bħala Segretarju Ġenerali interim sakemm issir ir-riforma fil-Partit Nazzjonalista mmexxija minn Louis Galea.