Ċempel jekk ġej mis-safar u trid tagħti d-demm

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, jitlob lil dawk li ġejjin lura mis-safar u jixtiequ jagħtu d-demm, biex, qabel imorru ċ-ċentru iċemplu fuq 8007 4313 u jitkellmu mat-tobba.
Dan għaliex l-ammont ta’ żmien li wieħed irid iħalli ma jvarjax biss skont il-pajjiż, iżda anki skont iż-żmien tas-sena, b’mod speċjali minn Mejju sal-aħħar ta’ Novembru fl-Ewropa.
Billi jċempel,  wieħed jevita li jinqala’ għalxejn.
Għal dawk li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jiftaħ kuljum sas-6pm.
Il-Mobile Blood Donation Unit se jkun disponibbli għall-għoti tad-demm, il-Ħadd  li ġej bejn it-8.30am u s-1pm, maġenb l-entratura prinċipali tas-Seminarju, f’Tal-Virtu, ir-Rabat. Dakinhar, professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja se jkunu disponibbli biex ikejlu l-pressjoni u z-zokkor fid-demm.
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, se jkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm, nhar it-Tlieta li ġej mis-1pm sal-5pm.
 Huwa importanti li wieħed jieħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.