Celine Dion tfakkar il-memorja ta’ żewġha; kien miet fl-2016

Celine Dion f'mument emozzjonanti nhar is-Sibt li għadda f'Las vegas. Ritratt: Instagram

Is-Sibt 8 ta’ Ġunju kien jum pjuttost emozzjonanti għall-kantanta Celine Dion hekk kif wara 16-il sena tat l-aħħar wirja tagħha f’The Colosseum f’Caesars Palace f’Las Vegas.

Għal dawk kollha preżenti, dan il-mument kien wieħed fejn setgħu jaraw b’għajnejhom l-imħabba tal-kantanta lejn żewġha René Angélil li miet nhar l-14 ta’ Jannar 2016, kaġun ta’ kanċer fi griżmejh. Huwa kellu 73 sena.

Hekk kif waslet biex tkanta l-aħħar silta tagħha, All By Myself, il-kantanta ta’ 51 sena qabdet idejn uliedha René-Charles li għandu 18-il sena u Nelson u Eddy, li t-tnejn li huma għandhom tmien snin, u li telgħu ukoll fuq il-palk, biex magħhom jagħtu tislima lil missierhom.

Hija stqarret kif li hi tkanta f’Las Vegas kienet ħolma li hi u René kellhom u li kienu bdew flimkien, u filfatt wettquha. Kienet ħolma li baqgħet għaddejja b’suċċess għal 16-il sena. Kien għalhekk bix-xieraq li għall-aħħar diska tagħha f’dan il-post wara dawn is-snin kollha, iddedikat ftit mumenti għalih.

Matul din l-aħħar serata tagħha hemmhekk, Dion kantat ukoll is-silta Flying on My Own, mill-album Courage li se tkun qed toħroġ f’Novembru.

Hi f’dan iż-żmien se tkun qed tagħmel pawsa ta’ mistrieħ qabel f’Settembru li ġej tibda tour mużikali li se jikkonsisti f’madwar 50 kunċert f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.