Celentano llejla b’żewġ mistiedna speċjali

Il-futur tal-programm Adrian tal-Canale 5 għadu mdendel u skont diversi rapport li nħarġu fil-midja Taljana, l-programm tal-lejla se jkunu il-fattur li fuqu jiġi deċiż il-futur ta’ dan il-programm.

Meta ftit xhur ilu beda jixxandar, il-programm ġie bbumbardjat minn kritika negattiva tant li l-Mediaset neħħewh wara biss ħmistax.

Il-ġimgħa l-oħra dan il-programm reġà tfaċċa iżda jidher li r-reazzjoni tat-telespettaturi, minkejja li tjiebet fuq l-ewwel darba, ma kienitx b’saħħitha biżżejjed.

Għalhekk illejla, meta l-programm jixxandar mid-9.20pm ‘il quddiem, il-Mediaset se jkunu b’seba’ għajnejn u l-figuri tal-udjenzi li l-Auditel se tippubblika għada se twassal għad-deċiżjoni finali, dik li jew il-programm jitkompla, inkella jitnaqqsulu l-puntati minn kemm kien hemm pjanati, inkella jwaqqfuħx għal kollox minn fuq l-iskeda.

Bħala tentattiv biex illejla jassiguraw udjenza tajba, dan il-programm, apparti l-cartoons ta’ Adriano Celentano, fl-istudjo se jkun hemm żewġ mistiedna speċjali u t-tama hi bl-appoġġ tagħhom, jirnexxiehom isalvaw dan l-ispettaklu ta’ Adriano Celentano.

Morandi f’xena minn L’Isola di Pietro. Ritratt: Mediaset

Wieħed mill-mistiedna llejla se jkun Gianni Morandi, li fuq Canale 5 huwa protagonist tas-sensiela ta’ suċċess L’Isola di Pietro.

Morandi mhux biss se jitkellem fuq din is-sensiela, iżda hemm min qed jgħid li ma jistax ikun li ma jkunx hemm xi mumenti mużikali bejnu u bejn Celentano.

Maria De Filippi. Ritratt: Mediaset

Il-mistiedna l-oħra se tkun Maria De Filippi, li nhar is-SIbt li ġej se tkun qed twassal fuq l-istess stazzjon staġun ġdid tal-programm Amici.