Ċelebrazzjonijiet fil-privat b’rabta mal-festa titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem

Fuq direttivi maħruġa mill-Konferenza Episkopali Maltija fl-24 ta’ Marzu 2020 fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19, il-festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil-parroċċi u knejjes sal-aħħar tas-sena 2020, ma jistgħux isiru sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa ma jkunux taw permess li jistgħu jinġabru nies f’attivitajiet pubbliċi.

Għaldaqstant, l-uniċi ċelebrazzjonijiet li ser isiru din is-sena b’rabta mal-festa titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem, iċċelebrata fl-1 ta’ Mejju fil-Parroċċa ddedikata lill-istess qaddis f’Birkirkara, huma dawn:

Il-Ħamis 30 t’April (Lejlet il-Festa): Velja ta’ Talb quddiem Ġesù Sagramentat fit-8:00pm; u l-Ġimgħa 1 ta’ Mejju (Jum il-Festa): Quddiesa konċelebrata mis-saċerdoti tal-Parroċċa fis-6:30pm.

Iż-żewġ ċelebrazzjonijiet ser isiru fil-privat u mhux se jkunu miftuħin għall-pubbliku. Minkejja dan, ser jiġu streamed live fuq il-paġna tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem fuq Facebook. Fuq l-istess paġna, matul il-ġimgħa tal-festa, qed jittellgħu diversi ħsibijiet u riflessjonijiet dwar San Ġużepp.