Ċelebrazzjonijiet fil-100 sena mid-dehriet tal-Madonna ta’ Fatima

F’għeluq il-mitt sena mid-dehriet tal-Madonna ta’ Fatima se jiġu organizzati għadd ta’ ċelebrazzjonijiet Djoċesani, mifruxa fuq ġimagħtejn.
Għada fis-6pm, tfal minn diversi parroċċi se jieħdu sehem f’purċissjoni qasira bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima, mid-Dar tal-Kleru fi Fleur-de-Lys sal-Knisja ta’ Santa Tereża, Birkirkara. Wara, ser tiġi ċċelebrata Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona.
Nhar il-Ħamis, 12 t’Ottubru, se tiġi organizzata ċelebrazzjoni għall-morda u l-anzjani fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Bambina, l-Isla, fl-10am, li matulha ser jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.
Fil-knisja se jkun hemm l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima, li bħalissa tinsab fid-Dar tal-Kleru, u li kienet imbierka mill-Papa Piju XII fl-1948.
L-anniversarju tal-100 mid-dehriet tal-Madonna ta’ Fatima jaqa’ propjament nhar il-Ġimgħa, 13 t’Ottubru.
Mitt sena ilu, aktar minn 70,000 persuna nġabru f’Fatima għas-sitt u l-aħħar dehra tal-Madonna lit-tlett itfal, l-hekk imsejjaħ “Il-Miraklu tax-Xemx”, fejn talbithom jitolbu r-Rużarju kuljum u jibnu kappella ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju fil-post fejn dehritilhom.
Għalhekk, f’għeluq il-mitt sena ta’ dan l-avveniment, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jmexxi pellegrinaġġ li jitlaq fis-6pm mill-Parroċċa tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun. Hekk kif jasal fil-Parroċċa ta’ Fatima fi Gwardamanġa, l-Arċisqof Scicluna se jiċċelebra quddiesa.