Ċelebrazzjoni unika f’Bormla bħala parti mill-festa

Nhar it-Tnejn li ġej, fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla se tkun qed issir ċelebrazzjoni li matulha se jkunu mistiedna l-gruppi kollha tal-vokazzjonijet reliġjużi u saċerdotali.
L-għan ta’ din iċ-ċelebrazzjoni unika huwa li ssir talba waħda għall-vokazzjonijet.
Din il-funzjoni se tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jwasslu għas-solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru.
Il-Quddiesa se tibda fi-6:00pm bis-sehem tad-diversi komunitajiet reliġjużi tal-parroċċa ta’ Bormla.
Se jikkonċelebraw diversi superjuri tan-novizzi reliġjużi ta’ ordnijiet differenti.
Uħud min-novizzi se jkunu qed jaqsmu l-esperjenza tagħhom u preżenti se jkun hemm ukoll soru tal-klawsura li anke hi se taqsam l-esperjenza vokazzjonali tagħha.
Il-Quddiesa hija miftuħa għaż-żgħażagħ kollha li jattendu laqgħat tal-vokazzjonijiet.