Ċelebrazzjoni ta’ Jum Malta f’Berlin

L-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja ċċelebrat Jum Malta fil-kapitali Ġermaniża Berlin f’serata mimlija kultura Maltija. Is-serata fl-ambaxxata Maltija fetħet b’filmat qasir fuq il-Belt Valletta u wara kompliet b’serata mill-isbaħ mill-kantawtur Walter Micallef li interpreta għaxar kanzunetti minn tiegħu bil-Malti, bl-udjenza tkun tista’ ssegwi b’attenzjoni t-traduzzjonijiet bil-Ġermaniż tal-lirika tal-istess kanzunetti.
B’hekk din kienet okkażjoni unika fejn għal ħafna kienet l-ewwel darba li semgħu il-lingwa Maltija. Is-serata, li għaliha attentew bosta ambaxxaturi u diplomatiċi minn pajjiżi differenti, u Maltin li jgħixu fil-Ġermanja kienet indirizzata mill-ambaxxatur Malti għall-Ġermanja Dr Albert Friggieri u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela. 
Din is-serata fl-okkażjoni ta’ Jum Malta ittellat mill-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja flimkien mal-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu, li  hi mgħejjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-ftehim “Cultural Partnership Agreement”.