Ċelebrazzjoni Furjana: Il-Pulizija tinvestiga, ma tgħidx tatx multi

Read in English.

Il-Pulizija qed tinvestiga ċ-ċelebrazzjoni spontanja li saret fuq il-Fosos tal-Furjana mis-sapporters tal-klabb tal-futbol Floriana FC wara li lbieraħ il-Kunsill tal-MFA ddikjara li huma r-rebbieħa tal-kampjonat ta’ din is-sena. Minkejja din l-investigazzjoni, kelliem għall-Pulizija ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma jekk inħarġux multi.

Ilbieraħ ġew ippubblikati filmati li juru għexieren ta’ persuni jiċċelebraw f’folla mdaqqsa quddiem il-każin tal-futbol ta’ Floriana FC. Il-partitarji kienu akkumpanjati b’sistema tas-sound, sufarelli u għadd ta’ bnadar.

Kelliem għall-Pulizija stqarr ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulizija se tibqa’ għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha iżda naqas milli jgħid jekk ingħatawx jew jekk hux se jingħataw multi lil dawk li nġabru fi grupp imdaqqas f’post pubbliku. Il-Gvern fl-aħħar ġimgħat għadda avviż legali li permezz tiegħu, il-Pulizija għandhom id-dmir li jwaqqfu u jagħtu multi ta’ €100 lill-persuni li jinġemgħu fil-pubbliku fi gruppi ta’ aktar minn 6.

Il-kelliem sostna li l-Pulizija aġixxiet biex rat illi l-folla li nġabret spontanjament ġiet imferrxa. Stqarr ukoll li din l-attività twaqqfet.

Din l-istess stqarrija ġiet irrappurtata wkoll fil-bullettin li ta’ kuljum jiġi ppubblikat mill-Gvern dwar l-imxija tal-coronavirus f’Malta.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex ikun responsabbli u ma jħallix li terġa’ tiġri sitwazzjoni bħal dik tal-bieraħ.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija dwar kemm inħarġu multi lbieraħ b’mod speċifiku fil-Furjana u f’liema kategoriji jaqgħu dawn il-multi. Sa issa dawn il-mistoqsijiet għadhom mhux imwieġba.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn