Serata kulturali fl-okkażjoni tal-425 sena tal-parroċċa Tarxiniża u t-titlu arċipretali

Fl-okkażjoni tal-425 anniversarju tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien u l-elevazzjoni tal-parroċċa għal waħda arċipretali, se ssir serata ta’ mużika u letteratura taħt il-patroċinju ta’ Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.
Is-serata se ssir nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru fis-7pm, fil-Knisja Parrokkjali.
Il-parroċċa Tarxiniża twaqqfet fid-29 ta’ Mejju, 1592, u hi dedikata lil Marija Annunzjata. 
Fid-29 ta’ Ġunju 2017, il-parroċċa ġiet elevata għal waħda arċipretali, b’digriet tal-Arċisqof Scicluna, li se jinqara fil-pubbliku għall-ewwel darba nhar l-10 ta’ Novembru.
Is-serata, bit-tema Hienja dik li emmnet, se tiftaħ bl-innu  Fil-Milja tas-SekliAve Maria Lourdes.  Dan l-innu nkiteb mill-Arċisqof Scicluna fl-2013, wara talba li saritlu mill-banda ta’ Ħal Tarxien, l-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata, biex jagħmel versi ħalli jitkantaw mal-melodija tradizzjonali mill-Pirinej, magħrufa bħala l-Ave Maria ta’ Lourdes.
L-innu ġie mużikat minn Maestro Hermann Farrugia Frantz, is-Surmast Direttur tal-Coro Bel Canto u l-orkestra tiegħu, li se jieħdu ħsieb il-parti mużikali tas-serata, bis-sehem ukoll  tat-Tenur Charles Vella Zarb u l-Baritonu Albert Buttigieg.
Il-mużika tas-serata tinkludi xogħlijiet ta’ Mro Farrugia Frantz, Francesco Azopardi, Hans Leo Hassler, Jacques Arcadelt, Joseph Vella u Giuseppe Camilleri. Is-serata tinkludi wkoll qari ta’ poeżiji Marjani mill-pinna ta’ Dun Karm Psaila, Dun Frans Camilleri u Kelinu Cachia.
L-okkażjoni se tintemm b’messaġġ mill-Arċisqof Scicluna, segwit mill-Għanja tal-Għeluq tal-Oratorju Marija fil-Qalb Maltija, kliem ta’ Alfred Massa u mużika ta’ Mro Farrugia Frantz, li ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-2014.