Ċelebrata l-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żwieġ fl-Istati Uniti

Il-familja nisranija tifforma knisja domestika.

Matul din il-ġimgħa, bejnis-7 u l-14 ta’ Frar, fl-Istati Uniti qed tkun ċelebrata il-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żwieġ.  Il-Jum Dinji taż-Żwieġ kien imfakkar nhar il-Ħadd li għadda billi dan il-Jum ikun ċelebrat fit-tieni Ħadd ta’ Frar.

Ta’ kull sena il-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żwieġ toffri opportunità biex wieħed jiffoka fuq il-bini ta’ kultura ta’ ħajja u mħabba li l-qofol tagħhom hu l-appoġġ u l-promozzjoni taż-żwieġ u l-familja.

It-tema li l-Konferenza Episkopali Amerikana għażlet għal din is-sena: “Stejjer mill-Knisja Domestika”, tħabbret mill-Arċisqof Salvatore J. Cordileone ta’ San Francisco u hu ċ-Chairman tal-Kumitat għal-Lajċi, Żwieġ, Familja u Żgħażagħ tal-Konferenza Episkopali, f’ittra li bagħat lill-Isqfijiet sħabu.

Knisja domestika

Din it-tema ngħażlet biex turi kif “il-miżżewġin huma konsagrati u permezz ta’ grazzja speċjali jibnu il-Ġisem ta’ Kristu u jiffurmaw knisja domestika” kif qal il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Apostolika tiegħu, Amoris Laetitia.

Biex tkun ċelebrata kif jixraq din il-Ġimgħa, il-Konferenza Episkopali tipprovdi lid-djoċesijiet diversi għajnuniet fosthom, abbozzi ta’ priedki għall-qasisin, bulletin u flyers b’intenzjonijiet ta’ talb, u rtir virtwali ta’ ġimgħa sħiħa għall-koppji miżżewġa.

L-irtir virtwali ta’ din is-sena juri testimonjanzi ta’ koppji li jgħixu s-sejħa tal-imħabba u jiffurmaw “knejjes domestiċi” fil-familji immedjati u estiżi tagħhom. “Knejjes domestiċi” jiddeskrivi kif “il-familja nisranija tikkostitwixxi komunjoni ekklesjali speċifika”. Dan l-irtir joffri opportunità lill-koppji biex jitolbu u jirriflettu dwar iż-żwieġ fil-pjan ta’ Alla.

Irtir virtwali

 Il-bieraħ, ġiet imxandra ‘live’ ir-reċita tar-Rużarju offrut għall-koppji miżżewġa u familji li għandhom bżonn fejqan. Ix-xandira kienet trsmessa mill-Kappella tal-Konferenza Episkopali li tinsab f’Washington.

Il-USCCB toffri diversi riżorsi li jgħinu biex iż-żwieġ jitqies bħala għaqda tul il-ħajja bejn raġel wieħed u mara waħda.à

Fl-Istati Uniti hemm organiżazzjoni apposta – National Marriage Week USA – li hi movement nazzjonali li jippromwovi edukazzjoni dwar il-benefiċċji taż-żwieġ li jgħin biex jonqos il-faqar u hu ta’ vantaġġ għat-tfal.

L-Organiżazzjoni hi parti mill-Inernational Marriage week li llum hi stabbilita f’20 pajjiż kbir madwar id-dinja li jaħdmu biex isaħħu l-istituzzjoni taż-żwieġ fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.