CCTV cameras jgħinu biex jinqabdu iktar ħallelin

Raġel ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn, wara li nqabad jisraq handbag ta’ mara f’Paceville. 
Ir-raġel li huwa mill-Ġorġja, għandu 38 sena u jgħix San Ġiljan. Huwa nqabad jisraq permezz ta’ filmat minn camera tas-CCTV li ġie preżentat fil-Qorti. 
Il-Qorti rat kif il-mara kienet bilqiegħda fuq ħajt baxx bil-handbag ma’ ġenbha.
Ħin minnhom ir-raġel jidher jitkaxkar mal-art u serqilha l-basket li kellu fih iPhone, kartiera, l-liċenzja tas-sewqan, kard tal-Bank kif ukoll €20 fi flus kontanti.
10 serqiet f'inqas minn 14-il ġurnata
Fl-istess ġurnata, persuna oħra nqabdet tisraq f’każijiet differenti permezz tas-CCTV cameras. 
Elaine Rapinett ta’ 34 sena inqabdet tisraq f’għaxar okkażjonijiet differenti f’inqas minn ġimgħatejn, fejn spiċċat weħlet sentenza ta’ tliet snin ħabs. 
Hija nqabdet permezz ta’ diversi filmati ta’ CCTV cameras fosthom meta serqet minn ħanut tal-kompjuters fiż-Żejtun, ħanut tal-elettronika u tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema, u minn ħwienet oħra f’Ħal Qormi u Ta’ Xbiex. 
Il-Qorti talbet lid-Direttur tal-Ħabs biex Rapinett tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex toħroġ mill-vizzju tad-droga.