Iċċelebrat l-ewwel inbid tal-istaġun

Il-Ħamis, 16 ta’ Novembru 2017, kien Jum il-Beaujolais Nouveau li matulu saret ċelebrazzjoni bl-ewwel inbid tal-istaġun, ftit ġimgħat biss wara l-ħsad tal-għeneb. L-aktar produttur magħruf ta’ Beaujolais Nouveau aktarx li hu Georges Duboeuf, meqjus bħala l-iżjed persuna inġenjuża wara dan l-inbid. Għalkemm ħafna nbejjed ‘vintage’ għandhom jiġu kkunsmati f’Mejju ta’ wara, il-Beaujolais Nouveau jinxtorob kmieni. Dan l-inbid aħmar frisk isir bi proċess mgħaġġel ta’ fermentazzjoni li jipproduċi nbid tajjeb li jitgawda madwar id-dinja kollha.
Il-Beaujolais Nouveau oriġina daqs seklu ilu, bħala xarba rħisa u ta’ pjaċir, u kien isir min-nies tal-lokal biex jiċċelebraw tmiem l-istaġun tal-ħsad. Il-Beaujolais Nouveau hu nbid ħafif minħabba l-proċess ta’ maċerazzjoni karbonika, magħruf ukoll bħala l-fermentazzjoni tal-għenba sħiħa. Din it-teknika tippreserva l-kwalità friska tat-togħma tal-frotta tal-għenba mingħajr it-togħma morra tal-qoxra tagħha. L-għeneb tat-tip Gamay li jintuża fil-Beaujolais Nouveau jinqata’ bl-idejn mill-proviċja Beaujolais fi Franza.