Cavani jiskurja, jiċċelebra u jitkeċċa fl-istess ħin

Paris Saint-Germain (PSG) ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, fil-konfront mill-kampjonat Franċiż kontra Lens, fid-dawl ta’ deċiżjoni kontroversjali.
Ir-referì Nicolas Rainville ħareġ tliet darbiet il-karta l-ħamra, bl-aktar waħda diskuttibli kienet dik lejn Edinson Cavani ta’ PSG.
Fit-52 minuta, ingħata penalty lil PSG u ġie ammonit il-plejer ta’ Lens Jean-Philippe Gbamin għall-fawl ikrah fil-kaxxa fuq Cavani.
Gbamin li kien diġa’ ġie ammonit fit-tmien minuta, intwera t-tieni karta safra li ssarfet f’ħamra.
Żewġ minuti wara, mill-ħdax-il metru, b’xutt ċentrali Cavani tefa’ l-ballun fix-xibka u għamilhom 3-1.
L-istess Cavani bħalma jagħmel wara kull gowl li jiskurja, iċċelebra bil-mossa tipika tiegħu li taparsi qed jispara.
Din il-mossa xejn ma niżlet tajjeb mar-referì tant li tah il-karta safra fil-55 minuta u reġa’ tah oħra f’temp ta’ ħames sekondi talli l-plejer ħatfu biex jagħtih spjegazzjoni.
Il-President ta’ PSG Nasser Al Khelaifi, meta tkellem fuq stazzjon televiżiv Franċiz, xejn ma qabel mad-deċiżjoni tar-referì, ladarba Cavani għamel dan il-ġest drabi oħra.
Intant aktar kmieni fil-logħba, kienu Lens li fetħu l-iskor fl-għaxar minuta, bl-uniku gowl skurjat minn Adamo Couloibaly.
Fit-28  minuta PSG ġabu d-dro permezz ta’ Yohan Cabaye.
Tliet minuti wara Maxwell poġġihom fil-vantaġġ ta’ 2-1, qabel ma’ Cavani skurja l-penalti li għamel l-iskor finali 3-1.
Fid-59 minuta, Jerome Le Moigne kien it-tielet plejer li tkeċċa wara li huwa wkoll irċieva t-tieni karta safra.