Jgħidu mitt bniedem mitt fehma. Dawk it-tradizzjonijiet li għal xi nies tilfu xi ftit mill-importanza, għadhom ħajjin sew f’ħajjet ħaddieħor.
Fost dawn hemm Catherine D’Amato, mara mill-Qrendi, li x-xogħol kreattiv bl-idejn huwa għal qalbha ħafna. Kull sena tagħmel presepju, liema xogħol artistiku mis-sena li għaddiet beda jkun esebit fis-sede tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes fil-Qrendi stess.
Catherine hija waħda mill-ftit nisa li tibni l-presepji hi. Din l-imħabba lejn din l-arti bdiet meta Catherine xtrat sett pasturi u riedet toħloq presepju għalihom.
Maż-żmien bdiet mhux biss tagħmel il-binja imma wkoll il-pasturi u l-oġġetti kollha li wieħed isib fil-presepju. Hija tgħid li: “meta inti tibni l-binja tal-presepju f’moħħok irid ikollok kif ħa tagħmel il-pastur. Jien u naħdem nimmaġina kif se naħdem il-pastur, għax il-pastur nagħmlu jien ukollbid-drapp li hija tradizzjoni li kienet popolari ħafna madwar mitt sena ilu”.
Din is-sena, fl-esebizzjoni fil-Qrendi, wieħed isib it-tħabbira tal-anġlu lil Marija, imbagħad hemm iż-żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, l-anġlu jidher lit-tliet ragħajja u n-natività li tinkludi lil San Ġużepp, il-Madonna u Ġesù Bambin. Magħhom hemm ukoll il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u l-miġja tal-maġi.
Il-presepju huwa wieħed differenti għaliex jidħol fid-djar tal-familji li għexu f’dik l-epoka u juri dettall dwar dak li kien jiġri f’dak iż-żmien. Ma tarax biss għerien, kif naraw f’ħafna presepji, imma dan huwa presepju b’differenza li sar b’ħafna studju u riċerka.
Catherine, li anke ħadet sehem f’kompetizzjonijiet, tħossha kburija li tirrappreżenta n-nisa f’din l-arti kreattiva. Hija tisħaq li dawn huma tradizzjonijiet li wieħed għandu jżomm ħajja filwaqt li jgħinuna ngħixu Milied aktar reliġjuż għalina l-insara li nemmnu fit-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Il-presepju ta’ Catherine D’Amato qed ikun esebit fis-Sede ta’ Soċjetà Filarmonika Lourdes fil-Qrendi u jibqa’ miftuħ sas-6 ta’ Jannar 2019.