Catherine Fenech tieħu post Lydia Abela fil-PL

Read in English.

Catherine Fenech inħatret Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista wara li l-Eżekuttiv qabel b’mod unanimu ma’ din il-ħatra.

Fenech se tkun qed tieħu post Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru Robert Abela li kienet ilha tokkupa din il-pożizzjoni għal 10 snin. Lydia Abela kienet l-ewwel Segretarju Eżekuttiv Nazzjonali.

L-involviment ta’ Catherine Fenech imur lura għal diversi snin hekk kif hija ilha involuta fil-Partit Laburista mill-età ta’ 16-il sena. Hija bdiet il-mixja politika tagħha fl-Għaqda Żgħażagħ Laburisti jew kif inhi magħrufa llum il-ġurnata Forum Żgħażagħ Laburisti. Catherine hija wkoll delegata tal-Partit Laburista, membru f’ Nisa Laburisti kif ukoll kienet parteċipanta fil-programm LEAD. Hija serviet ukoll bħala membru u President fil-Kumitat tal-Partit Laburista ta’ Ħal Lija. Fenech bdiet tokkupa l-kariga ta’ Koordinatur tal-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista fl-2015, u kienet ukoll eletta fl-Eżekuttiv tal-Partit Labursita.

Lydia Abela fl-ittra tar-riżenja spjegat li hija qed tirreżenja minn din il-kariga għax temmen li għandha tiddedika l-enerġija tagħha biex tgħin lil żewġha fir-responsabbiltajiet li għandu bħala Prim Ministru. Saħqet li hija qed tirreżenja mill-kariga mhux għax temmen li mara għandha tkun estensjoni ta’ żewġha anzi temmen li kull mara għandha tkun ikkunsidrata b’mod awtonomu.

Lydia Abela awgurat kull suċċess lis-suċċessur tagħha u tħares ‘il quddiem biex fis-snin li ġejjin ikompli jkollha sehem attiv fil-Partit Laburista.