Casumo b’donazzjoni ta’ 25 tablet lill-FSWS

Read in English.

“Aħna mpenjati li nkomplu ngħinu lill-familji vulnerabbli għax nemmnu bis-sħiħ fid-dritt li kull tifel u tifla għandu jkollu għal edukazzjoni aħjar, speċjalment fi żminijiet bħal dawn, fejn l-aċċess għas-sistemi diġitali huwa essenzjali biex ikomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom”. 

Stqarr dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti waqt żjara li saritlu mill-Kap Eżekuttiv ta’ CASUMO Shelly SuterHadad, fl-uffiċini tal-FSWS f’Santa Venera. F’din l-okkażjoni Suter-Hadad ippreżentat 25 tablet biex jingħataw lil studenti għal skop edukattiv. 

Is-Sur Grixti rringrazzja lill-kumpanija għal din l-għotja w spjega li dawn it-tablets se jmorru għal dawk it-tfal li ġejjin minn familji vulnerabbli li qed jiġu segwiti mill-FSWS. 

Il-Kap Eżekuttiv Grixti rringrazzja lill-CASUMO għall-kontribuzzjoni tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, li kienet tinkludi għotja ta’ elf maskra u għaxar ġimgħat sħaħ ta’ ikliet li tħejjew mill-kokijiet ta’ CASUMO stess. 

Alfred Grixti żied jgħid li l-fondazzjoni taħdem qatigħ biex familji fil-bżonn kontinwament jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu. Huwa appella għal aktar kumpaniji biex jimxu fuq l-eżempju tal-kumpanija Casumo, għax il-Fondazzjoni temmen bis-sħiħ li kull tifel u tifla għandu d-dritt li jieħu l-edukazzjoni li jeħtieġ.  

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm id-Direttur tad-Direttorat Kura Alternattiva u l-Aġenzija Appoġġ Remenda Grech, kif ukoll Veronica Zammit li tagħmel parti mit-tim tal-esperjenza tal-impjegati ta’ CASUMO.