Cassola jrid lill-partiti ż-żgħar jiddibattu mal-kbar

Facebook

Il-Professur Arnold Cassola jrid li l-kandidati ta’ partiti politiċi żgħar u dawk indipendenti jkollhom l-opportunità li jiddibattu mal-kandidati tal-partiti l-kbar.

Huwa ressaq il-proposta tiegħu f’ittra li bagħat lill-Awtorità tax-Xandir li fiha ppropona li tul il-kampanja elettorali li ġejja għall-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju li ġej, il-ħin iddedikat għall-elezzjonijiet fuq ix-Xandir pubbliku u anki fuq l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi, “jitqassam proporzjonalment, b’mod ugwali bejn il-kandidati kollha”.

Saħaq li qed jagħmel dan biex fi kliemu “ma tirrepetix ruħha l-porkerija li kienet wettqet l-Awtorità tax-Xandir fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet”. Huwa fakkar kif l-Awtorità kienet caħħdet lill-partiti ż-żgħar mill-possiblità li jiddibattu maż-żewġ partiti ewlenin. Huwa alluda għall-fatt li fuq il-Bord tal-Awtorità hemm rappreżentanti biss tal-partiti l-kbar.

Fit-talba tiegħu, Cassola jispeċifika l-ħin kollu ddedikat għal dibattiti, spots, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jittrattaw il-politika (TVAM, Xarabank, X-tra eċċ. u dawk kollha tan-NET u l-ONE) jkun maqsum b’mod ugwali bejn il-kandidati kollha.

Huwa bagħat ukoll kopja ta’ din l-ittra lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.