Cassola jitlob lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni tinvestiga r-rigali li Fenech ta lil Muscat

Facebook

L-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u Kandidat Indipendenti għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola talab lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni tinvestiga r-rapporti dwar donazzjonijiet li Yorgen Fenech ta lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Rapporti fil-midja dan l-aħħar indikaw li Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia rregala lil Muscat arloġġ lussuż tat-tip Bvlgari u nbejjed fini f’żewġ okkażżjonijiet. Filwaqt li l-arloġġ ġie regalat fl-2014, l-inbid ingħata lil Muscat f’riċeviment li kien sar fl-okkażżjoni ta’ għeluq snin il-Prim Ministru fi Frar li għadda.

Cassola fisser kif ir-rigal tal-arloġġ ġie mogħti lil Muscat, ftit jiem biss qabel artijiet privati ta’ Fenech fl-Imrieħel iddaħħlu bil-moħbi fl-iskema tal-bini highrise. Minn naħa l-oħra l-inbejjed ġew mogħtija lil Muscat 8 xhur wara li l-Prim Ministru kien sar jaf li Fenech kien wieħed mill-persuni suspettati bl-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Cassola qal, li fid-dawl ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet, li jikkostittwixxu reat ta’ tixħim u theddid għad-demokrazija, ix-xhieda kollha li possibilment jistgħu jitfgħu dawl fuq dawn il-każijiet għandhom jissejħu.