Cassola jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-uffiċjali b’rabtiet ma’ Yorgen Fenech

OPM Kastilja

Read in English.

L-eks chairperson u kandidat indipendenti Arnold Cassola kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jinvestiga lil dawk l-individwi li isimhom jinsab fid-dominju pubbliku u huma marbuta mas-suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Fl-ittra tiegħu Cassola semma li s’issa diversi individwi li kienu impjegati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kellhom xi konnessjoni ma’ Fenech jew ma’ dawk viċin tiegħu.

Cassola staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil dawn li ġejjin:

  • L-eks Ministru Konrad Mizzi li kellu 19-il laqgħa Kastilja ma’ Fenech
  • L-eks Chief of Staff Keith Schembri li kellu ħames laqgħat f’Kastilja
  • Il-Ministru Michael Farrugia li ordna lill-Awtorità tal-Artijiet biex tingħata l-approvazzjoni biex isir żvilupp għoli fl-Imrieħel dakinhar li kellu laqgħa ma’ Fenech
  • Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar dwar is-senseriji fil-ftehim tal-bini
  • L-uffiċjal tas-sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kenneth Camilleri li serva ta’ messaġġier
  • Lyndsey Gambin li kellha laqgħa ma’ Fenech f’Kastilja
  • Charlene Bianco Farrugia li siefret ma’ Fenech
  • Sandro Craus li ta xogħol lil Melvin Theuma, is-sensar ta’ Fenech

Cassola qal li mhux normali li jkollok tmien persuni li huma bbażati Kastilja li jkollhom xi tip ta’ relazzjoni jew konnsessjonijiet ma’ suspettat fi qtil jew ma’ dawk viċin tiegħu.

Żied li l-mottiv tiegħu għal din it-talba huwa biex jinvestiga mhux biss x’kienu r-relazzjonijiet kollha u preċiżi ta’ dawk imsemmija iżda biex jinvestiga jekk hemmx xi nies oħra li kienu jaħdmu Kastilja fi żmien it-tmexxija ta’ Joseph Muscat li kellhom b’xi mod jew ieħor jaqsmu mal-preżunt assassin u niesu.