Cassola jitlob li l-PL jiġi investigat fuq it-tixrid ta’ informazzjoni privata

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola kiteb lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia bi lment uffiċjali kontra l-Prim Ministru Robert Abela bħala President tal-Partit Laburista u kontra s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi bħala eks uffiċjal tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista. Dan wara li informazzjoni sensittiva tad-ditta legali SZA, li qabel inħatar fil-kariga, Stefan Zrinzo Azzopardi kien partner tagħha, ġiet imxerrda online. Huwa talab li l-Partit Laburista jiġi investigat minħabba dan it-tixrid ta’ informazzjoni.

Din l-informazzjoni tinkludi kontijiet pendenti tal-kumpanija, li ġew aġġornati sa ftit jiem ilu, kif ukoll dettalji personali tal-klijenti tal-kumpanija. Apparti dan, kien hemm informazzjoni personali ta’ madwar 337,884 individwu, inkluż ismijiet, indirizzi, dettalji tal-karti tal-identità, u n-numri tal-mowbajl, kif ukoll it-tendenzi politiċi tagħhom.

C-Planet IT Solutions hija l-kumpanija li kienet qed tieħu ħsieb l-informazzjoni li eventwalment spiċċat inħarġet online. 

Prof. Cassola argumenta li, “Huma [Abela u Zrinzo Azzopardi] qiegħdu a dispożizzjoni tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, immexxi minn Louis Gatt, din id-data privata kollha tiegħi u ta’ min jaf kemm-il persuna li taħdem f’dan l-uffiċċju elettorali. Mhux kuntenti b’dana, il-Partit Laburista għamlu din l-informazzjoni dwari, u dwar mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin ohra, aċċessibbli fuq l-internet.” 

Għaldaqstant, huwa talab li jiġi investigat il-Partit Laburista u li jillikwidalu kull dannu morali, psikoloġiku u finanzjarju li għamillu billi kixef informazzjoni privata dwaru.

Min-naħa tiegħu, fi stqarrija ppubblikata lbieraħ filgħaxija, il-Partit Laburista ċaħad li s-sistema tal-IT imsemmija hija l-istess waħda tiegħu, u sostna li din qatt ma kienet is-sistema tiegħu. Huwa saħaq li għandu trasparenza assoluta b’rabta mar-reġistru elettorali.

Permezz ta’ ħidma tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, wieħed jista’ jiċċekkja jekk id-dettalji tiegħu kinux fost dawk it-300,000 li kienu disponibbli online. Tista’ tara minn hawnhekk.