Cassola jitlob investigazzjoni fuq jekk Yorgen kienx preferut

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Arnold Cassola talab lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni biex tinvestiga jekk ingħatatx preferenza lil Yorgen Fenech f’għadd ta’ proġetti li kien involut fihom hu jew il-kumpanija Tumas Group.

Cassola, eks kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iltaqa’ mal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni llum u tahom spjegazzjoni ta’ siegħa u nofs tal-affarijiet li ġraw bejn April tal-2013 u Diċembru tal-2019.

Fi stqarrija, huwa qal li minħabba r-rigali ta’ valur għoli li Fenech ta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, u minħabba r-relazzjoni mill-qrib li kellu mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandha ssir investigazzjoni fuq jekk kienx hemm preferenzi f’diversi każijiet involut fihom Fenech jew il-kumpanija tal-familja tiegħu, li sa Novembru kien għadu Direttur tagħha, Tumas Group.

Dawn il-każijiet huma l-inklużjoni tal-Imrieħel bħala post fejn jista’ jkun hemm bini għoli, peress li Tumas Group, flimkien mal-Gasan Mamo, kellhom l-iżvilupp ta’ Quad Business Towers hemmhekk. Cassola rrimarka li Quad Towers ingħataw status SDA – Special Designated Area, li jippermetti lil bejjiegħa barranin li jgawdu mid-drittijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini Maltin, u staqsa jekk kienx hemm preferenza meta ngħata dan l-istatus ukoll.

It-tielet każ li elenka Cassola kien tal-garanzija bankarja provduta mill-Gvern lil Electrogas Ltd, il-kumpanija li ġiet fdata bil-proġett tal-powerstation tal-gass f’Delimara.

Fl-2016, fil-Parlament ħareġ illi mill-elezzjoni tal-2013 il-Gvern ta f’madwar €540 miljun garanziji bankarji lil entitajiet governattivi differenti u €360 miljun lil Electrogas.

Cassola talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk fil-każijiet imsemmija nkisrux Artikli 112, 115 u 118 mill-Kodiċi Kriminali.