Cassola jitlob għal investigazzjoni fis-salarji tas-segretarji parlamentari

Read in English.

Arnold Cassola, li qabel ma sar politiku indipendenti kien parti mill-Alternattiva Demokratika, talab lill-Kummissarju tal-Istandards biex jiinvestiga l-allegata żieda fis-salarju tas-Segretarji Parlamentari.

Fi stqarrija Cassola ħabbar li talab lill-Kummissarju George Hyzler biex jinvestiga l-każ. Huwa talbu jinvestiga kif is-salarju ta’ segretarju parlamentari telgħet minn €42,000 fl-2013 għal aktar minn €60,000 fl-2018.

Cassola staqsa kif ma tħabbar xejn dwar din iż-żieda u x’inhi l-ġustifikazzjoni għal din iż-żieda bl-eluf meta mqabbel mal-medja ta’ żieda ta’ €3 fil-ġimgħa għall-bqija tal-poplu. Staqsa wkoll jekk hemmx lok li jittieħdu passi kontra min awtoriza ż-żieda u żammha mistura mill-poplu.

Kopja tad-dokumenti li bagħat Cassola

X’wassal lil Cassola biex jitlob din l-investigazzjoni?

Fl-1 ta’ Awwissu s-sit tal-aħbarijiet The Shift qal li d-dħul tas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri rdoppja minn €33,895 fl-2017 għal €60,796 fl-2018.

Fuq Facebook fis-16 ta’ Awwissu l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi kkwota ċ-ċifri li żvelat the Shift. Qal li dawk li maqqdru ż-żieda fl-onorarja taħt Gvern Nazzjonalista messhom jistħu.

Fis-17 ta’ Awwissu, il-Gvern ħareġ stqarrija permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni li fih qal li “rapporti mxandra fuq mezzi tax-xandir” li kienu wkoll riprodotti “minn membri tal-Oppożizzjoni” dwar “allegazzjonijiet ta’ żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett huma għal kollox foloz.” Skont il-Gvern, is-salarji tal-membri kollha tal-Kabinett għadhom eżatt l-istess kif kienu fl-2013.

Wara li ħarġet l-istqarrija tal-Gvern, Jason Azzopardi qal ma’ The Sunday Times of Malta li bħala eks segretarju parlamentari jaf li sa Marzu tal-2013, is-salarju ta’ segretarju parlamentari kien ta’ madwar €40,000, apparti mill-onorarja ta’ €20,000 li wieħed kien jirċievi bħala MP.

Azzopardi qal li l-istqarrija tal-Gvern kienet vaga fil-parti fejn il-Gvern jgħid li ma kienx hemm bidla wara l-2013. Azzopardi qal li jekk iż-żieda daħlet fis-seħħ mill-ewwel ġurnata tal-Gvern Laburista dan teknikament ikun ifisser li ma kienx hemm żieda.

Fit-18 ta’ Awwissu, il-Partit Laburista (PL) qal li meta Jason Azzopardi kien segretarju Parlamentari kien idaħħal salarju ta’ iktar minn €82,000. Il-PL hemeż ukoll id-dikjarazzjoni tal-assi ffirmata minn Azzopardi fl-2011.

Skont il-PL, Azzopardi kien jitħallas €22,000 aktar milli jitħallsu s-segretarji parlamentari tal-lum.

Il-PL qal li “l-uniku differenza li kien hemm kienet dik li wara l-bidla fil-gvern fl-2013 tneħħiet għal kollox dik iż-żieda biex illum is-Segretarji Parlamentari jitħallsu ferm inqas”.

Fuq Facebook, Azzopardi qal li “llum Segretarju Parlamentari qed jiddikjara li jaqla’ €20,000 iktar mill-Kap tal-Oppozizzjoni meta suppost huma indaqs.”

Irrealizzajtu li llum Segretarju Parlamentari qed jiddikjara li jaqla’ €20,000 iktar mill-Kap tal-Oppozizzjoni meta suppost huma indaqs?

Posted by Jason Azzopardi on Sunday, August 18, 2019

Fl-2015, The Malta Independent qalet li rat rapport li qatt ma ġie ppubblikat li kien jinkludi fih proposta biex is-salarji tas-segretarji parlamentari jiżdiedu. Ir-rapport kien jgħid li fl-2013 is-salarju ta’ Segretarju Parlamentari kien ta’ €42,232. Il-proposta li saret kienet biex dan jitla’ għal €69, 806 – żieda ta’ 65.3%.

The Malta Independent

The Shift reġgħet qalet li d-dikjarazzjonijiet ta’ Silvio Schembri u tas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista juru li d-dħul tagħhom irdoppja bejn l-2017 u  l-2018.

Illum, fid-19 ta’ Awwissu, il-Gvern qal li “mill-bidla fil-Gvern fl-2013, ma kien hemm assolutament l-ebda żieda fis-salarji tal-politiċi, inkluż tas-Segretarji Parlamentari.” Qal li is-salarju ta’ segretarju parlamentari baqa’ 105% ta’ skala wieħed tas-servizz pubbliku.

Skont il-Gvern, f’Marzu tal-2008, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien żied is-salarji tal-membri tal-kabinett. “Għalhekk fl-2009 u fl-2010 il-ministri u s-segretarji parlamentari ddikjaraw li qalgħu aktar minn €80,000,” qal il-Gvern.

“Fid-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kabinett għall-2008, tidher ċifra li hi inqas minn hekk. L-ispjega hi ċara ħafna. Iż-żieda ta’ iktar minn €500 fil-ġimgħa daħlet wara l-elezzjoni generali ta’ Marzu 2008.”

Il-Gvern kompla jgħid li mal-bidla tal-Gvern f’Marzu tal-2013 s-segretarji parlamentari bdew jitħallsu bl-istess livelli ta’ qabel il-bidliet ta’ Marzu 2008.

Il-Gvern qal li “min fl-aħħar jiem allega li kien hemm xi żieda fis-salarju tas-Segretarji Parlamentari għamel dan wara li qabbel salarju ta’ sena ma’ ta’ nofs. Dan għax qabbel dak li Segretarju Parlamentari daħħal fl-2017, meta daħal fil-kariga f’Ġunju, ma’ dak li ddikjara għal sena sħiħa fl-2018.”

The Shift qal li l-Gvern qed jallega li t-€33,900 li Schembri u Debattista ddikjaraw bħala dħul fl-2017 huwa sempliċiment id-dħul ta’ nofs sena. The Shift qalet li jekk dan huwa minnu, allura Schembri u Debattista ma kellhom l-ebda dħul għal sitt xhur fl-2017 sakemm daħal l-ewwel salarju tagħhom bħala segretarji parlamentari fit-tmiem ta’ Ġunju tal-2017. Is-sit qal li Schembri u Debattista kienu MPs qabel ma saru segretarji parlamentari. The Shift qal li allura kienu qed idaħlu minimu ta’ €1,600 fix-xahar.

Fit-18 ta’ Awwissu, Cassola qal li huwa “evidenti” li s-segretarji parlamentari kienu qed idaħħlu €60,000 bħala salarju. Qal li Silvio Parnis, Silvio Schembri, u Julia Farrugia Portelli kollha ddikjaraw din is-somma bħala s-salarju tagħhom. Cassola qal li ma jaf b’ħadd li jiddikjara aktar flus milli jaqla’ ma’ tat-taxxa.

Kelliema għall-Uffiċċju tal-Ispeaker qalet ma’ Newsbook.com.mt li d-dikjarazzjoni tal-assi għas-sena 2016 ma tpoġġietx fuq il-mejda tal-kamra.