Il-PN u Cassola jinsistu li tiġi ppubblikata l-ittra ta’ riżenja ta’ Joseph Muscat

Aġġornat 12:01 PM
Luke Zerafa

Il-Partit Nazzjonalista u l-kandidat indipendenti Arnold Cassola insistew li l-ittra ta’ riżenja li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għadda lill-President George Vella għandha tiġi ppubblikata, speċjalment għax il-President qal li li kieku tkun ippubblikata, din taffettwa kif jiffunzjona l-Gvern.

Storja ta’ The Shift News maħruġa lbieraħ tgħid li l-President irrifjuta t-Talba għal Dokument skont id-Dritt għall-Informazzjoni (Freedom of Information Request) tagħhom darbtejn. Mitlub l-istess ħaġa, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li mhuwiex fil-pussess ta’ din l-ittra.

L-artiklu ta’ The Shift News jgħid li t-tweġiba tal-President kienet li kkwota eżenzjoni mill-Att tal-FOI li tgħid li l-pubblikazzjoni tal-ittra jkollha “effett sostanzjali fuq il-ħidma propja u effettiva ta’ awtorità pubblika” li f’dan il-każ tirreferi għall-Gvern.

Prof. Cassola staqsa x’hemm fl-ittra ta’ riżenja ta’ Joseph Muscat li jista’ jtellef mill-ħidma tal-Gvern. Huwa ddeskriva r-rifjut tal-President biex jippubblika l-ittra bħala att ta’ ċensura, li joħloq suspett u dubju dwar ħidmet il-Gvern.

“Jekk hemm konsegwenzi serji għat-tmexxija tal-Gvern fl-ittra ta’ riżenja ta’ Muscat, mela huwa ħafna aktar essenzjali li l-kontenut tal-ittra jiġi żvelat lin-nies li investew interess fit-tmexxija xierqa tal-pajjiż,” tgħid l-istqarrija ta’ Cassola. Huwa temm billi indirizza lill-President u qallu li ma jaqbilx mal-għażla tiegħu.

Il-PN jgħid li l-PM qed jgħatti u jiddefendi lil Muscat

Il-Partit Nazzjonalista pubblikament sejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela biex minnufih jippubblika l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.

Fi stqarrija l-Partit qal li r-raġunijiet li ngħataw għaliex ma ġietx ippubblikata l-ittra juru b’mod ċar li hu fl-interess pubbliku li tiġi ppubblikata.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien diġà ntalab ipoġġi kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati permezz ta’ mistoqsija parlamentari (numru 12568), li għaliha l-Prim Ministru wieġeb li din l-ittra ġiet ippreżentata lill-President ta’ Malta.

Skont il-PN, “Bit-tweġiba tiegħu Robert Abela għażel li jaħrab minn mistoqsija parlamentari leġittima u pprova inġustament jżeffen fin-nofs lill-President ta’ Malta. Dan l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex aċċettabbli u juri nuqqas ta’ rispett u kortesija li għandha dejjem tintwera lill-President ta’ Malta. M’hemmx dubju li l-Prim Ministru Robert Abela għandu kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru u jaf eżatt x’fiha. M’hemmx dubju wkoll li bħala l-konsulent legali tiegħu, Robert Abela jaf eżatt x’inhuma l-vera raġunijiet għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru. Minkejja dan kollu Robert Abela qiegħed jagħżel li jibqa’ jgħatti u jiddefendi lil Joseph Muscat akkost ta’ kollox.”