Cassola jilmenta mal-UE dwar in-nuqqas ta’ ħin televiżiv għall-kandidati indipendenti

L-eks chairman tal-Alternattiva Demokratika u l-kandidat indipendenti għall-Parlament Ewropew Arnold Cassola kiteb lill-Kummissarju Ewropew għas-Saltna tad-Dritt Frans Timmermans, lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová, u lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, dwar il-ħin allokat lill-kandidati indipendenti għall-Parlament Ewropew mill-Awtorità għax-Xandir waqt id-dibattiti politiċi fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali.

Cassola kien diġà ħeġġeġ lill-Awtorità biex tħalli lill-kandidati indipendenti jipparteċipaw fid-dibattiti politiċi ma’ politiċi ġejjin minn partiti tradizzjonali. Fl-ittra tiegħu, Cassola kien iddeskriva l-imġiba tal-Awtorità waqt l-aħħar elezzjoni tal-2017 bħala “oxxena”, peress li partiti żgħar ma ngħatawx il-possibbiltà li jiddibattu maż-żewġ partiti ewlenin.

L-ittra tiegħu lill-Unjoni Ewropea kitibha wara li talab formalment lill-Awtorità biex jipparteċipa fid-dibattiti politiċi. Huwa talab ukoll li l-Awtorità tax-Xandir taċċerta li l-kandidati indipendenti kollha, u anke dawk ġejjin minn partiti politiċi jkunu mistiedna fuq l-istazzjonijiet tal-partiti, ONE u NET.

AQRA: Cassola jrid lill-partiti ż-żgħar jiddibattu mal-kbar

L-iskeda tal-Awtorità tax-Xandir

Is-CEO tal-Awtorità tax-Xandir, Joanna Spiteri, bagħtet kopja tal-iskeda tal-Awtorità tax-Xandir, skont il-Liġi tax-Xandir, li tinkludi messaġġ ta’ 5 minuti mogħti minn kull kandidat indipendenti, imma din ma tipprovdix lill-kandidati indipendenti bil-possibbiltà li jipparteċipaw f’dibattiti politiċi jew li jkollhom irkejjen politiċi tagħhom.

Din l-iskeda tkopri mill-15 t’April sat-23 t’April. Hemm total ta’ 7 dibattiti politiċi li huma twal 45 minuta. L-Awtorità tax-Xandir allokat 60 minuta għal irkejjen tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, 12-il minuta għall-Alleanza Bidla, l-Alternattiva Demokratika, l-Imperium Europea, Moviment Patrijotti Maltin u għall-Partit Demokratiku. Il-kandidati indipendenti, min-naħa l-oħra, jingħataw 5 minuti.

‘Biża’ minn dibattitu politiku’

Fl-ittra tiegħu lill-istituzzjonijiet Ewropej, Cassola insista li l-iskeda tax-xandir tiddiskrimina kontra kandidati indipendenti bħalu, mhux biss fuq it-televixin tal-istat imma anke fuq il-midja tal-partiti. Cassola attribwixxa dan għal biża’ minn dibattitu politiku.

Huwa rrefera wkoll għal minn min hija komposta l-Awtorità, b’membri taż-żewġ partiti l-kbar fuq il-bord.