Cassola jikteb lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga ċ-ċertifikat mediku ta’ Mizzi

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola kiteb lill-Kummissarju għall-Istandards sabiex jinvestiga ċ-ċertifikat mediku li l-eks Ministru Konrad Mizzi ppreżenta fil-Parlament sabiex jiskuża l-assenza tiegħu fis-seduti parlamentari mit-13 ta’ Marzu ‘l hawn, peress li dan ġie aċċettat biex jiskużah b’lura għall-ħames ġimgħat preċedenti.

Fl-ittra tiegħu lill-Kummissarju George Hyzler, Cassola spjega li mit-13 ta’ Marzu sal-lum, l-eks Ministru Konrad Mizzi għadu m’attendiex sessjoni tal-Parlament, u ma bagħat l-ebda ġustifikazzjoni għal dan għal ħames ġimgħat u aktar, b’hekk tniżżel bħala assenti.

Madankollu, fl-20 t’April, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia avża li kien se jdaħħal mozzjoni fil-Parlament dwar it-tliet sptarijiet. Din il-mozzjoni kienet titlob riżoluzzjoni li “Tikkundanna bis-saħħa l-aġir manifestament kontra l-interess nazzjonali li twettaq mill Onor. Konrad Mizzi u oħrajn li setgħu kienu parteċipi f’dan il-ftehim.” Skont Cassola, l-għada li sar jaf b’din il-mozzjoni li tinvolvi lilu, fil-21 t’April, Mizzi bagħat ċertifikat mediku lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.       

Fil-21 t’April, imbagħad, l-Ispeaker tal-Parlament avża lill-Kamra li kien qiegħed jikkanċella l-assenzi kollha tad-Deputat Laburista Konrad Mizzi mit-13 ta’ Marzu u b’mod retrodatat għat-13 ta’ Marzu 2020, biddel l-assenzi ta’ Mizzi f’assenzi ġustifikati.

Cassola kiteb fl-ittra tiegħu li dan l-aġir huwa inaċċettabbli, għaliex, l-ewwel nett, hemm dubji dwar kemm ċertifikat mediku jista’ jintuża b’lura, speċjalment għal perjodu hekk twil. Saħaq li, “Din il-prassi qiegħda tiddiskrimina kontra kull ħaddiem Malti maċ-Ċivil, li huwa obbligat jippreżenta ċertifikat mediku immedjatament lid-Datur tax-xogħol u mhux 37 jum wara li tkun bdiet il-marda. Jekk wieħed ma jippreżentax ċertifikat mediku immedjatament ma jkunx intitolat ghal ġustifikazzjoni medika.”

Delia jaċċenna għall-assenza ta’ Mizzi mill-Parlament
Irridu kummissarju tal-pulizija li jinvestiga lil Konrad Mizzi – Delia

Apparti hekk, Cassola qal li f’ċirkostanzi normali, iċ-ċittadin Malti jrid jippreżenta tliet ċertifikati differenti jekk ikun marid għal aktar minn 28 jum (Initial, Intermediate u Final Certificate) skont ir-regoli tas-Sigurtà Soċjali.

Huwa staqsa, “Għaliex membru parlamentari huwa eżentat minn din il-prassi li l-poplu kollu jrid joqgħod għaliha?” Spjega li dan it-tibdil fl-assenza tal-eks Ministru se jippermetti li huwa jitħallas għas-seduti li falla, u barra minn hekk, se joħloq il-preċedent ikrah li membri parlamentari jistgħu jibagħtu ċertifikat mediku tard b’saħansitra ħames ġimgħat, u xorta jiġu skużati. Sostna li l-kariga ta’ membru parlamentari suppost hija ta’ xi ħadd li jagħti eżempju lill-bqija taċ-ċittadini, u f’dan il-każ, l-eżempju huwa wieħed li dak li jkun jista’ jfalli, jgħaddiha lixxa u xorta jitħallas ta’ xogħol li ma jkunx għamel.

Għaldaqstant, huwa talab lill-Kummissarju tal-Istandards jinvestiga l-imġiba ta’ Konrad Mizzi u l-validità tar-retroattività taċ-ċertifikat li ppreżenta.