Casa u Micallef innominati biex jikkontestaw l-elezzjoni tal-MEPs

David Casa u Robert Micallef ġew innominati biex jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista (PN) u l-Partit Laburista (PL) rispettivament.

Fi stqarrija, Casa ħabbar li ġie nnominat mill-eks Kapijiet tal-PN Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, u Simon Busuttil.

Casa bħalissa kien qed iservi bħala l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-PE. Hu qal li jekk jerġa’ jiġi elett se jkompli jiddefendi lin-nies mill-korruzzjoni. Qal li l-interessi tal-politiċi korrotti huma l-oppost tan-nies.

“L-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jipproteġu liċ-ċittadini onesti, u issa minflok qed jipproteġu lill-politiċi korrotti,” qal Casa. Casa qal li se jkompli jaħdem biex l-UE jkollha aktar saħħa għal superviżjoni fuq ħasil tal-flus u li jinħolqu strutturi li jistgħu jieħdu ħsieb investigazzjonijiet fuq korruzzjoni internazzjonali.

Casa fakkar fil-ħidma tiegħu fuq id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol li qal li “se żżid b’mod drastiku d- drittijiet tal-ġenituri u l-carers f’Malta u Għawdex.”

Fi stqarrija, Micallef qal li beħsiebu juża l-esperjenza professjonali fi Brussll mal-istituzzjonijiet Ewropej u bħala diplomatiku Malti biex jikkontribwixxi biex jinkisbu “l-għanijiet li l-aħjar jikkorrispondu mal-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex”. Micallef qal li jemmen li l-Parlament Ewropew m’għandux ikun spazju ghall-battalji partiġġjani imma pjattaforma biex jinħolqu opportunitajiet soċjali u ekonomiċi għal kulħadd.

Fl-istqarrija tiegħu, Micallef qal li għandu esperjenza ta’ xogħol mal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE. Kien impjegat bħala ekonomista mal-Kummissjoni Ewropea u kien editur tal-istħarriġ tal-Eurobarometru. Huwa ħadem bħala konsulent fil-Parlament Ewropew u, fis-snin riċenti, serva bħala diplomatiku Malti fi Brussell. Matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, Robert Micallef ippresieda formazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE u mexxa n-negozjati mal-Parlament Ewropew.

Micallef qal li n-nomina tiegħu rċeviet l-appoġġ tal-Professur Oliver Friġġieri. Friġġieri kiteb ittra ta’ appoġġ lil Micallef fuq ittra li turi l-isem u l-logo tal-Università ta’ Malta u dik tal-Fakultà tal-Arti. Kelliema għall-Università ta’ Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li “dan mhux ‘endorsement’ minn ebda Fakultà iżda opinjoni fuq Dr Robert Micallef mill-Professur Oliver Friggieri, kollega u ħabib tiegħu.” Il-kelliema ma qalitx jekk l-użu tal-logo tal-Università fl-appoġġ li jingħata lill-kandidati politiċi hux fl-aħjar interess tal-Università jew jekk kienx hemm l-awtorizzazzjoni neċessarja biex dan isir.