“Casa u l-poplu Malti, m’intomx waħedkom”

Manfred Weber, iċ-Ċermen tal-Grupp Popolari Ewropew (EPP), sostna li kemm il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kif ukoll il-poplu Malti mhumiex waħidhom.
Huwa saħaq li jkun aħjar kieku l-awtoritajiet Maltin jużaw l-enerġija tagħhom biex tiġi indirizzata l-problema ta’ korruzzjoni fl-oqsma kollha, inkluż, fi kliemu, fl-istituzzjonijiet, minflok jiġu attakkati dawk li jkunu qed jesponu l-korruzzjoni.
Weber sostna li l-EPP qed isegwi mill-qrib ħafna l-iżviluppi f’Malta.
Huwa osserva dik li sejħilha kultura ta’ impunità f’Malta, li skontu laħqet l-ogħla punt meta seħħ l-asssassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Huwa sostna li dan huwa tat-tħassib għall-Unjoni Ewropea.
Weber qal ukoll li huwa xokkanti li l-Gvern Malti injora għal kollox ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq is-saltna tad-dritt f’Malta kif ukoll il-konklużjonijiet li ħarġu wara li d-delegazzjoni PANA/LIBE ġiet tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta.
Huwa sostna wkoll li huwa xokkanti li uffiċjali f’karigi pubbliċi għolja li ġew esposti fil-Panama Papers għadhom ma tneħħewx.