​Casa u l-KE ma jaqblux dwar il-VAT fuq il-jottijiet f’Malta

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u l-Kummissjoni Ewropea (KE) għandhom interpretazzjoni opposta ta’ jekk il-mod ta’ kif Malta tiġbor il-VAT mill-provvista ta’ jottijiet hix konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE).
Casa qal fi stqarrija li jemmen li l-mod li bih Malta tiġbor din it-tip ta’ taxxa hija konformi mal-liġi.
Casa ħabbar li bagħat mistoqsija parlamentari lill-KE dwar dan.
Skont Casa, Malta titlob VAT skont kemm idum il-jott fl-ibħra tal-UE. Qal li pajjiżi bħal Franza jużaw l-istess prinċipju.
Casa staqsa lill-KE għalfejn qed tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ Malta, ċ-Ċipru, u l-Greċja jekk dan il-prinċipju huwa wieħed aċċettabbli.
Fi stqarrija, il-KE kienet qalet li l-Paradise Papers kienu żvelaw każijiet ta’ evażjoni tal-VAT fis-settur tal-jottijiet. Ġie allegat li dawn il-każijiet ġew iffaċilitati permess ta’ regoli nazzjonali li mhumiex konformi mal-liġi tal-UE.
Il-Kummissarju Ewropew għat-Tassazzjoni Pierre Moscovici qal li l-UE ma tistax tippermetti preferenzi fil-mod ta’ kif tiġi maħduma t-taxxa fuq il-jottijiet.
Skont il-KE Malta, iċ-Ċipru, u l-Greċja japplikaw metodi li jnaqqsu l-ammont applikabbli tal-VAT fuq il-jottijiet.
Malta issa għandha żewġ xhur ċans biex twieġeb l-ittra tal-KE. Jekk Malta tagħżel li ma tieħux azzjoni, il-KE qalet li tista’ tibgħat “opinjoni” lill-Awtoritajiet Maltin.