Casa se jgħaddi evidenza tal-FIAU lill-Kunsill tal-Ewropa

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, mistenni jgħaddi evidenza tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) lil MONEYVAL, l-entità tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-ħasil tal-flus.
Din l-entità se tkun qed tibgħat tim investigattiv f’Malta biex jinvestiga jekk Malta hux qed timxi mal-istandards internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni tagħhom.
David Casa ilu jgħid li se jkun qed jippubblika, fil-futur qrib, rapport konklussiv tal-FIAU li jikkonkludi li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, rċevew tixħim mill-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta u l-power station tal-LNG.
Casa kiteb lil MONEYVAL biex jinformah dwar l-FIAU li fi kliemu nħakmet mill-Gvern u jiġbed l-attenzjoni dwar il-liċenzja mogħtija lill-Bank Pilatus u taħt liema ċirkostanzi l-istess bank tħalla jżomm il-liċenzja.
L-Ewroparlamentari jagħmel referenza għal ittra mibgħuta lil Bank Pilatus ftit wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn direttur tal-FIAU.
Skont Casa, din l-ittra tgħid li l-Aġent Direttur, wara t-tieni spezzjoni li saret fil-Bank Pilatus, ikkonkluda li “l-kwistjonijiet  li kien hemm mal-Bank issa setgħu jingħalqu minħabba d-dokumenti nieqsa li issa kienu ngħataw.”
Casa spjega kif Manfred Galdes irriżenja minn Direttur tal-FIAU ftit qabel il-21 ta’ Lulju tal-2016 għalkemm l-aħbar kienet żvelata fit-2 ta’ Awwissu tal-istess sena. Il-Bank Pilatus kien infurmat bit-tieni żjara tal-FIAU li kellha ssir fil-21 ta’ Lulju għalkemm din saret bejn it-8 u l-10 ta’ Awwissu.
L-ittra ffirmata mill-Aġent Direttur ħarġet fis-26 ta’ Settembru tal-istess sena.
Skont Casa, dan kien biss eżerċizzju biex jitgħattew l-affarijiet li seħħew qabel.
Huwa ħeġġeġ  lis-Segretarju Eżekuttiv tal-MONEYVAL Matthias Kloth biex jgħaddi din l-informazzjoni lit-tim li se jkun qed jiġi Malta.
Casa talab lit-tim biex iżomm għajnejh miftuħa dwar dawn l-affarijiet:

  • iċ-ċirkustanzi li wasslu biex il-Bank Pilatus jitħalla jżomm il-liċenzja,
  • l-awtonomija u l-indipendenza tal-FIAU, u anke
  • l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

Aqra l-ittra sħiħa hawn taħt: