Filmat: Ma kinitx kampanja ta’ ftit ġimgħat imma 5 snin ta’ ħidma – Dalli

Read in English.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara l-indikazzjoni li kienet l-aktar kandidata li ġabet voti, il-kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli qalet li għaliha din ma kinitx kampanja ta’ ftit ġimgħat iżda ħames snin ta’ ħidma.

Ma’ Newsbook.com.mt Dalli qalet li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għaliha li ġiet eletta. Irringrazzjat lil poplu talli wera l-fiduċja fiha. Qalet li se trodd din il-fiduċja lura b’aktar xogħol.

Dalli qalet li se tkompli taħdem fl-oqsma tal-ambjent, kwalità tal-ħajja, innovazzjoni, riċerka u żvilupp, u enerġija nadifa.

Aġent tal-Partit Laburista qal ma’ Newsbook.com.mt li għall-PL mistenni li jiġu eletti Miriam Dalli b’51,000 vot, Alfred Sant b’21,300, Alex Agius Saliba bi 15,000, u Josianne Cutajar bi 12,900. Intant mit-totali li tat il-Kummissjoni s’issa lill-aġenti tal-partiti jidher li dawk għall-Partit Nazzjonalista huma Roberta Metsola b’31,000 vot u David Casa b’16,500. Il-kwota hija dik ta’ 37,000 vot.

Il-Partit Laburista mistenni jtella’ 4 siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ 2 siġġijiet. Miriam Dalli qiegħda tissemma bħala l-kandidata li kisbet l-iżjed voti.

Jekk tiġi eletta l-kandidata Josianne Cutajar, din tkun l-ewwel kandidata Għawdxija li tirrappreżenta lill-Gżejjer Maltin fil-Parlament Ewropew.

Meta l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat indirizza lill-folla mill-gallarija tal-Kwartieri Ġenerali tal-PL, huwa ħabbar li sa dak il-ħin, il-maġġoranza favur il-PL kienet ta’ 48,000 vot. Aktar tard, tħabbar li l-maġġoranza telgħet għal 51,000 vot.

Filmat: “Bħalissa hemm maġġoranza ta’ 48,000 vot” – Muscat

Segwi pass pass x’inhu jiġri fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti minn hawn. 

Filmat: Luke Zerafa