Casa lejn il-Greċja biex ikun preżenti għall-appell ta’ Efimova

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa, qal li se jerġa’ jmur Ateni sabiex ikun preżenti għall-appell tal-whistleblower Russa, Maria Efimova, li ma tridx li tkun estradita lejn Malta.
F’kumment qasir fuq Facebook, Casa qal li Efimova se ssibu dejjem warajha għas-sapport.

Ix-xahar li għadda l-MEP xehed fil-Qorti Griega wara li ntalab biex jagħmel hekk mill-avukat ta’ Efimova fil-Greċja.
F'kummenti ma' Newsbook.com.mt, Casa kiwn qal li "għad m'għandniex idea ta' min ordna l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia". Qal li Maria Efimova kienet waħda mis-sorsi tal-ġurnalista u għalhekk jisħaq li sakemm il-qattiela ma jinstabux, Efimova qiegħda fil-periklu kemm għal ħajjitha kif ukoll għas-sigurtà tal-familja tagħha.
Ftit tal-jiem qabel, Casa kien saħansitra mar quddiem il-ħabs fejn qed tinżamm Efimova. Kien qal li kemm hu kif ukoll il-Parlament Ewropew jinsabu lesti biex jagħtu sostenn lill-whistleblower Russa, Maria Efimova.
Maria Efimova, omm ta’ żewġt itfal, kienet għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom allegatament ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan.
Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.