Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal li kemm Karl Cini u kemm Brian Tonna għandu jitneħħilhom il-warrant ta’ accountant għax dawn kienu fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil tal-flus mill-2013. Huwa qal li n-Nexia BT hija l-Mossack Fonseca ta’ Malta, f’ittra li kiteb lill-Bord tal-Accountancy.
Casa sejjaħ lill-Bord tal-Accountancy biex jieħu passi dixxiplinarji kontrihom fid-dawl tal-provi disponibbli għax dawn qed jitfgħu dell ikrah fuq il-professjoni tal-accountants.
Fl-ittra tiegħu, Casa spjega li huwa lest li jippreżenta l-provi kollha quddiem il-Bord u ma jixtieqx li jiġri l-istess bħal fil-każ tal-Bank Pilatus li wassal biex saret il-ħsara kawża tat-traskuraġni tal-entitajiet regolatorji.