Casa jmexxi direttiva li se ddaħħal 10 ijiem liv għall-missirijiet

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew (PE), David Casa, lesta l-ewwel stadju ta’ xogħlu biex eventwalment tiddaħħal direttiva fl-Unjoni Ewropea li tagħti għaxart ijiem liv imħallas lill-missirijiet.
Casa huwa mqabbad sabiex jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-PE fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ministri.
Id-Direttiva Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, minbarra dawn l-għaxart ijiem, jekk tilleġiżla ruħha tagħti wkoll erba’ xhur liv imħallas lil kull ġenitur li jista’ joħodhom sakemm il-wild jagħlaq żmien stipulat, u ħamest ijiem liv fis-sena għal dawk li jieħdu ħsieb lil tfal mhux tagħhom.
Casa qal li l-għan ta’ din il-proposta hu li jkun hemm bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet f’dak li għandu x’jaqsam mat-trobbija tat-tfal bejn in-nisa u l-irġiel, u b’hekk tiżdied ukoll il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol.
Barra minn hekk, tissaħħaħ il-figura tar-raġel bħala persuna li tista’ u kapaċi tieħu ħsieb it-tfal bħal omm.
Sostna li qed jsitinka biex id-direttiva tgħaddi malajr u bl-inqas sforz possibbli, anki sabiex jitnaqqas l-effett li tista’ tħalli fuq in-negozji żgħar u medji.
Id-Direttiva Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol hi wkoll waħda mill-proposti li jikkontribwixxu għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u t-tir hu wkoll li tindirizza l-isfidi li kemm il-ġenituri kif ukoll min jieħu ħsieb lit-tfal jiltaqgħu magħhom biex isibu bilanċ bejn dawn iż-żewġ realtajiet tal-ħajja.