Casa jitlob lil bank f’Dubaj għad-dettalji ta’ 17Black

David Casa PL

David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew stieden lil Noor Bank li hu bbażat f’Dubai biex jippubblika informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar UBO  ta’ 17 Black. David Casa qal li l-kumpanija 17 Black kienet u possibilment għadha klijenta ta’ Noor Bank. Il-bank għandu xi kontijiet li kienu użati biex jirċievu xi fondi, suspettati li huma marbuta ma’ attività kriminali f’Malta.

Casa għadda il-prova tat-trasferimenti u rrefera għar-rapporti mill-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus ta’ Malta.  F’April ta’ din is-sena, ġurnalisti magħrufa mad-dinja ppubblikaw korrispondenza bil-posta elettronika ma’ Mossack Fonseca li jindika li 17 Black se jgħaddu € 150,000 kull xahar lil Konrad Mizzi u € 150,000 oħra lil Keith Schembri. Konrad Mizzi u Keith Schembri huma persuni politikament esposti fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti. David Casa qal li l-unika spjegazzjoni plawsibbli għal dawn il-fondi hija l-attività kriminali relatata ma’ kumpens minn korruzzjoni.

Casa qed jitlob lil Noor Bank biex jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar il-UBO ta’ 17 Black u t-trasferimenti mwettqa minn 17 Black stess. Qed jitlob ukoll li titwaqqaf kull possibiltà ta’ negozju li jista’ jkun għaddej bħalissa u li tiżgura li jinbdew investigazzjonijiet dwar proċeduri kriminali fl-Emirati Għarab Magħquda.

Casa qal li l-Maltin għandhom id-dritt ikunu  jafu dwar l-oriġini u l-għan ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.