Casa jitlob għal investigazzjoni f’17Black u fl-FIAU

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talab lil MONEYVAL, korp permanenti ta’ monitoraġġ kontra l-ħasil tal-flus tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tiġi investigata l-aġenzija tal-Gvern ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u l-kumpanija 17Black.

Fi stqarrija, Casa spjega li l-MONEYVAL se jevalwa l-konformità ta’ Malta mal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-infurzar tagħhom f’Novembru li ġej. Casa talab lil dan il-korp biex jevalwa l-azzjoni meħuda wara li l-FIAU ġiet infurmata dwar l-identità tas-sidien tal-kumpanija 17Black. Talab ukoll biex jikkunsidraw il-livell ta’ qerq meta tpoġġew dubji dwar l-awtentiċità tar-Rapport dwar il-Ministru Mizzi bl-intenzjoni li jipprovdi lill-politiċi kkonċernati b’mezzi li jisfidaw b’mod falz l-eżattezza tar-rivelazzjonijiet li saru.

David Casa kien żvela rapport tal-FIAU li jitlob azzjoni tal-pulizija kontra l-Ministru Mizzi. Fi kliem Casa “element kruċjali tar-rapport dwar Mizzi huwa r-rwol ta’ 17 Black, kumpanija li skont il-korrispondenza bejn Nexia BT u Mossack Fonseca, kellha tħalli €150,000 kull xahar kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.”

Tista’ taqra l-ittra sħiħa ta’ David Casa minn hawn.