AQRA x’fih ir-rapport tal-FIAU dwar Konrad Mizzi

L-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) ikkonkludiet li kien hemm suspett raġonevoli ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi, u rrakkommandat li r-rapport jgħaddi għand il-Pulizija biex tieħu azzjoni. Mizzi qal li d-dokument huwa bla data u bla firma.

Dan ir-rapport tal-FIAU ġie żvelat minn David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew illum waranofsinhar. Ir-rapport huwa dwar trust u kumpanija offshore f’isem Konrad Mizzi waqt li kien Ministru għall-Enerġija.

Rapport FIAU: Kontradizzjoni f’li qal u f’li għamel 

Fl-istess rapport, l-FIAU qalet li d-dokumenti li kisbet dwar it-trust Rotorua ta’ Konrad Mizzi, jikkontradixxu dak li qal Mizzi fis-26 ta’ Frar 2016. Spjegat li dan minħabba li t-trust li hu sejjaħ Family Trust hija Revocable Discretionary Trust.  L-FIAU tispjega li Dr Konrad Mizzi għażel Revocable Discretionary Trust, li tippermetti flessibilità, fejn hu stess ikun jista’ jibdel u jħassar proviżjonijiet.

Fi stqarrija Casa qal li ħass li kien id-dmir tiegħu li jippubblika dan ir-rapport biex il-pubbliku jkun jaf dak li Muscat kien qed jipprova jżomm moħbi għall-aħħar sena.

Casa qal li Muscat kien qed jipprova jirreżisti inkjesta Maġisterjali li bdiet bis-saħħa tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’Lulju tal-2017 b’rabta mal-korruzzjoni u ħasil tal-flus imwettqa minn Konrad Mizzi.

Skont Casa, Mizzi qed jipprova juża 3% tal-parti tal-inkjesta ppubblikata dwar il-kumpanija Egrant biex jinħeles mill-akkużi li hemm kontrih.

Nistennew biex insiru nafu l-verità – PL

F’reazzjoni għal dak li żvela Casa, il-Partit Laburista (PL) qal li wieħed jistenna li jsir jaf il-verità bħal ma’ ġara fil-każ ta’ Egrant.

Il-PL qal li Casa llum ma qal xejn ġdid u li l-allegazzjonijiet diġà qed ikunu investigati minn Maġistrat. Żied jgħid li llum Casa messu “skuża ruħu talli hu wkoll kien parti minn kalunja fil-konfront tal-Prim Ministru u martu.”

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn:  Rapport tal-FIAU

Dokument bla data u bla firma – Mizzi

Intant il-Ministru Konrad Mizzi qal li d-dokument huwa bla data u bla firma.

Fi stqarrija, Mizzi stqarr li d-dokument jidher li huwa ġabra ta’ konġetturi, fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq il-kitbiet tal-ġurnalista Assasinata Daphne Caruana Galizia u dawk fil-gazzetti lokali.

Skont Mizzi,  Casa qed jibni fuq il-gideb ta’ Egrant.

Fl-2017 kienet se tibda inkjesta maġisterjali fil-konfront ta’ Konrad Mizzi b’rabta ma’ informazzjoni li ħarġet mill-Panama Papers. Mizzi kien għamel applikazzjoni uffiċjali mal-Qorti biex din l-inkjesta ma tibdiex.

Tweġiba ta’ Casa

Fuq Twitter Casa wieġeb għal dak li qal Konrad Mizzi. Casa ppubblika dak li rrefera għalihom bħala credit card statements ta’ Mizzi.

Aqra l-punti ewlenin tar-rapport hawn.