Casa jingħata mandat biex jinnegozja l-Fond Soċjali Ewropew

Read in English.

Il-Membru Parlamentari fil-Parlament Ewropew David Casa ngħata mandate biex jibda negozjati mal-istati membri tal-UE dwar il-Fond Soċjali Ewropew.

Fi stqarrija, il-Partit Popolari Ewropew (EPP) qal li David Casa (PN), li bħala Kwestur jifforma parti mill-amministrazzjoni tal-Parlament, laqa’ dan il-mandat importanti u rringrazzja lill-Membri mill-gruppi politiċi kollha tal-fiduċja tagħhom.

“In-negozjati li jmiss mal-Kunsill huma ta’ importanza enormi. Irridu niżguraw li l-persuni bla xogħol jingħataw l-opportunità li jsibu postijiet tax-xogħol ġodda, filwaqt li ngħinu lill-ħaddiema jiżviluppaw ħiliet aħjar biex isibu impjiegi aħjar,” qal Casa.

Skont l-EPP, il-Fond Soċjali Ewropew jifforma parti mill-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex tinħoloq soċjetà aktar inklużiva, billi jinħolqu impjiegi ġodda, u jkunu assigurati opportunitajiet ta’ ħajja aktar ġusti. Huwa investiment dirett fin-nies, fil-ħiliet tagħhom u fl-iżvilupp tagħhom.