Casa jgħid li mexa sew; il-PL jirreaġixxi

David Casa PL

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa sostna li t-tim impjegat miegħu huwa konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.  Casa kien qed jirreaġixxi għal rapporti fuq Malta Today u One News, li qalu li l-MEP qed iħaddem lil zijuh u lir-raġel ta’ oħtu bħala assistenti tiegħu.  Dwar dan il-Partit Laburista insista li Casa hu politiku diżonest u ipokrita.

Skont ir-regolamenti tal-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari ma jistgħux jimpjegaw magħhom lin-nisa jew l-irġiel tagħhom, lill-ġenituri, lil ħuthom jew lil uliedhom.

Dan jikkuntrasta mar-rapporti fil-ġurnali, li qalu li l-websajt tal-Parlament Ewropew tgħid li l-Ewroparlamentari ma jistgħux jimpjegaw qraba bħala assistenti.

“Mhu qed nikser l-ebda regola” – Casa

F’messaġġ li ħalla fuq Facebook, Casa ammetta li qraba tiegħu jagħmlu parti mit-tim li jassistih madanakollu rrimarka li mhu qed jikser l-ebda regola. Irrimarka kif iż-żewġ persuni imsemmija jassistuh fuq bażi part-time u jitħallsu paga miżera li ma tkoprix dak li jistħoqqilhom jieħdu ta’ xogħolhom. Insista li din mhix informazzjoni ġdida, anzi fi kliemu dejjem kienet hemm, viżibbli għall-pubbliku. “Jien il-politiku, attakkaw lili u mhux lit-tim tiegħi,” kompla jgħid.

Let’s set things straight:1. My team is in FULL conformity with EU rules. Art 43(d) of the MEP Statute is crystal…

Posted by David Casa on Sunday, August 19, 2018

“Jhedded ġurnalisti għax ħarġet storja li ma għoġbitux” – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista rrimarka li Casa li ilu jitkellem għal bosta xhur favur l-iSLAPP fil-Parlament Ewropew, issa qed jhedded ġurnalisti investigattivi b’libell għax ħarġet storja dwaru li ma għoġbitux.

L-iSLAPP tikkonsisti f’azzjoni legali li hija maħsuba biex tiċċensura, thedded u twaqqaf lill-ġurnalisti billi tgħabbilhom bl-ispiża ta’ difiża legali jekk ma jabbandunawx il-kritika jew l-oppożizzjoni tagħhom.

Fi stqarrija mibgħuta minn Casa nnifsu, sostna li l-artiklu ma kienx riżultat ta’ ġurnaliżmu investigattiv imma huwa umiljazzjoni għall-ġurnaliżmu u jitradixxi b’mod sħiħ lill-qarrejja li jemmnu li l-ġurnal Malta Today mhux f’idejn il-Partit Laburista.