Casa b’rikors fil-Qorti bi “provi dwar Konrad Mizzi”; “Informazzjoni skorretta” – Mizzi

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ppreżenta rikors fil-Qorti b’dak li qed isejjaħ bħala evidenza ta’ “rapport konklussiv” tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mizzi qal li l-informazzjoni hi skorretta. 
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta, David Casa spjega li fir-rapport ta’ 128 paġna, hemm rendikonti tal-banek, dettalji tal-ivvjaġġar u informazzjoni oħra. Qal li l-FIAU kitbet biex tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi, hekk kif fi kliemu jinkludi “provi estensivi ta’ dak li għamel”.
“L-agħar rapport dwar dawn il-każijiet”
L-Ewroparlamentari David Casa qal li dan huwa “l-agħar rapport dwar dawn il-każijiet” li jinkludi “sensiela ta’ gideb li ntqalu mill-Ministru Konrad Mizzi, biex jgħatti xturu”.
Sorsi qrib il-Parlament Ewropew qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Membri Parlamentari Ewropej igawdu minn immunità Parlamentari li tkoprihom anke fuq affarijiet li jgħidu barra l-bini tal-Parlament Ewropew.
Casa qal li provi oħra fosthom dati, figuri, ismijiet ta’ persuni oħra, u dettalji dwar fabrikazzjoni ta’ dokumenti “biex dak li għamel Konrad Mizzi seta’ jsir.”
Fir-rapport jissemma wkoll il-Bank Pilatus.
Il-Ministru Konrad Mizzi jsostni li l-kontenut huwa bbażat fuq informazzjoni skorretta
​Il-Ministru Konrad Mizzi sostna li l-allegat kontenut tar-rapport huwa konklużjoni ffurmata abbażi ta’ informazzjoni skorretta.
Fi stqarrija, il-Ministru Mizzi spjega li kull rapport ibbażat fuq il-falzità u l-ispekulazzjoni ma jista' jkun xejn għajr xogħol irresponsabbli tal-ivvintar.
Huwa reġa’ ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina filwaqt li fakkar li “t-trust u l-kumpanija, li issa ngħalqet, qatt ma kellhom kontijiet bankarji u assolutament qatt ma rċivew fondi minn x’imkien fid-dinja”. Semma li dan ġie kkonfermat minn awditjar indipendenti mwettqa mid-ditta internazzjonali tal-awditjar Crowe Horwath.
Il-Ministru Mizzi jgħid li l-ebda ipoteżi jew spekulazzjoni dwar dan ma jistgħu jiġu ppruvati minħabba li huma foloz.
Mizzi qed jgħid ukoll li jaħseb li r-rapport huwa “abbozz ta' dokument ta' ħidma tal-FIAU filwaqt li David Casa jgħid li huwa “rapport konklussiv”.
Semma wkoll li huwa kien ilmenta b'kampanja kontrih minn bloggers u dawk qrib il-Partit Nazzjonalista. Saħaq li skontu “huwa ċar li din il-kampanja ġiet ikkoordinata mal-kittieb tal-abbozz tar-rapport, u r-rapport miktub biex eventwalment spiċċa fix-xejn”.
Innota wkoll li l-FIAU uffiċjalment ċaħdet u ddeplorat l-allegazzjonijiet ta’ David Casa.
“Qed nieħu deċiżjoni – il-ġlieda tibda illum”
Wara dak kollu li ġie żvelat f’din il-konferenza tal-aħbarijiet, David Casa qal li ħa deċiżjoni biex jirrikorri għand il-ġudikatura u għalhekk insista li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tibda llum.
Stqarr li għandu fiduċja fil-maġistrati filwaqt li jemmen li dak li qed jgħidu huwa veru u għalhekk l-ebda theddid mhu se jżommnu.
Appella lill-Prim Ministru biex ikeċċi minn madwaru lil Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.
Spjega li r-rapport janalizza n-negozjati li kien involut fihom Konrad Mizzi bħala Ministru, fosthom il-bejgħ tal-Enemalta.
Fisser li huwa qabbad tim ta’ esperti legali u finanzjarji biex jiġi studjat dan ir-rapport u saħaq li hu ma jaqbadx u jiddeċiedi fuq informazzjoni skorretta.
David Casa ħabbar li f’idejh għandu l-ewwel analiżi tat-tim ta’ esperti u minnha ħa li għandu jinforma lill-ġudikatura biex ikun hemm maġistrat li jkun responsabbli u ssir inkjesta li tinvestiga lill-Ministru Mizzi.
Spjega li għamel dan sabiex jiġi stabbilit għaliex l-FIAU ħbiet dan ir-rapport gravi.
Jason Azzopardi, avukat fit-tim legali li analizza r-rapport tal-FIAU
Fil-konferenza tkellem ukoll il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi li qal li huwa membru tat-tim legali magħżul minn Casa biex janalizza dan ir-rapport.
Qal li wara l-konferenza tal-aħbarijiet, David Casa se jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrat filwaqt li spjega li mhux se jiżvelaw dettalji tar-rapport fil-pubbliku minħabba s-sensittività.
Saħaq iżda li dan ir-rapport juri aġir u kollużjoni f’korruzzjoni u ħasil tal-flus minn membru tal-Eżekuttiv u uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, “każ li bħala qatt ma rajna f’Malta”.
Spjega l-proċess legali li permezz tiegħu se jara lil David Casa jixhed fil-Qorti jekk il-Maġistrat jaċċetta r-rikors tal-Membru Parlamentari Ewropew.
Tista' ssegwi l-konferenza tal-aħbarijiet hawnhekk: