Casa b’liġi li tipproteġi l-whistleblowers

David Casa PL

David Casa, il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, beda n-negozjati fil-Parlament Ewropew għal liġi ġdida tal-UE li tipproteġi lill-whistleblowers.

Bħala l-persuna inkarigata min-negozjati f’isem il-Partit Popolari Ewropew fi ħdan il-Kumitat dwar l-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali, huwa qal li jeħtieġ li nitgħallmu mill-każijiet ta’ Maria Efimova u Jonathan Ferris, billi noħolqu mezz ta’ protezzjoni għal meta whistleblowers jesponu affarijiet mill-aktar sigrieti fl-ogħla awtoritajiet.

Skont stqarrija maħruġa mill-uffiċċju ta’ Casa, intqal li r-rapport li ħareġ l-MEP fuq il-protezzjoni tal-whistleblowers is-sena l-oħra kien intlaqa’ tajjeb ħafna mill-Kumitat, u wassal għall-proposta kurrenti tal-Kummissjoni Ewropea għal liġi usa’ biex tipproteġi l-whistleblowers.

Huwa qal li l-każ ta’ Maria Efimova, li tressqet il-Qorti wara akkużi minn Pilatus Bank, hu eżempju perfett ta’ whistleblower li batiet biex wasslet il-verità. Efimova rebħet il-każ tal-estradizzjoni l-ġimgħa l-oħra fil-Qorti tal-Appell Griega. Casa kien wieħed mix-xhieda fil-każ. Hu rrefera wkoll għall-każ tal-eks investigatur tal-FIAU, Jonathan Ferris.

“Il-whistleblowers għandhom jitqiesu bħala mezz kif isir skrutinju pubbliku ta’ gvernijiet u kumpaniji,” sostna Casa, “u għalhekk irridu naħdmu biex nipproteġuhom.”