Casa b’inizjattiva biex kull MEP ikollu l-pjanti fl-uffiċċju

L-MEP David Casa beda inizjattiva fl-Unjoni Ewropea sabiex kull Membru Parlamentari Ewropew ikun jista’ jitlob li jkollu żewġ pjanti fl-uffiċċju tiegħu jew tal-assistenti tiegħu.

Casa, bħala Kwestur, qal li kif juru l-istudji, il-pjanti għandhom impatt pożittiv fuq il-post tax-xogħol, peress li jsebbħuh u jtejbu l-kwalità tal-arja.

Huwa nħatar Kwestur f’Lulju tas-sena li għaddiet. L-irwol ta’ Kwestur huwa li jieħu ħsieb l-interessi finanzjari u amministrattivi tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għaldaqstant, wara li ġew rinovati l-uffiċċji tal-MEPs, issa ġie propost li jitqassmu l-pjanti fl-uffiċċji b’mod ekwu. Għalhekk, kull MEP jista’ jagħmel talba għal żewġ pjanti fl-uffiċċju tiegħu jew tal-assistent jew l-assistenta tiegħu fi Brussell.

Apparti hekk, xi kmamar li jintużaw minn ħafna nies fil-binjiet tal-Parlament Ewropew se jissebbħu b’għadd ta’ pjanti.