Casa bi twissija għall-avukati ta’ Turab Musayev li qed jhedded il-midja Maltija

L-MEP David Casa bagħat ittra bi twissija lill-avuakti ta’ Turab Musayev, rappreżentant tas-SOCAR li qed jhedded il-midja Maltija.

Casa, MEP tal-Partit Nazzjonalista, ippubblika l-ittra li bagħat lil Atkins Thomson Solicitors li hi d-ditta legali li Turab Musayev qed juża biex fi kliem Casa jhdedded u jintimida kmamar tal-aħbarijiet Maltin.

Is-SOCAR hija l-kumpanija statali tal-Ażerbajġan taż-żejt u tal-gass. Malta tixtri l-gass għall-powerstation tagħha mis-SOCAR.

Casa fakkar li s-sustanza tal-każ li dwaru qed jaħdmu Atkins Thomson Solicitors huwa marbut max-xogħol tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Casa qal li jikkonsidra l-azzjoni tad-ditta legali bħala SLAPP, jiġifieri attentant abbużiv biex jintimida lill-ġurnalisti milli jkomplu b’xogħolhom.

Casa qal li l-avukati se jsibu lill-Parlament Ewropew spalla ma’ spalla mal-ġurnalisti. Sejjaħ lill-avukati biex minnufih jirtiraw l-attakk li fetħu kontra l-midja Maltija. Wissa li jekk dan ma jsirx is-sitwazzjoni se teskala.

L-ittra ta’ Casa tinsab hawn.

Il-midja lokali qed tirċievi ittri legali ta’ theddid biex jikkumpensaw lil Turab Musayev, li hu nvolut fil-kuntratt tal-wind farm ta’ Montenegro. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) tikkundanna dan it-theddid li huwa azzjoni legali magħruf bħala SLAPP, u saħaq li hemm bżonn laqgħa mal-Gvern.

L-IĠM qed jitlob laqgħa urġenti mal-Gvern biex jinsab mod kif ir-raba’ pilastru tad-demokrazija, il-ġurnaliżmu, jista’ jkun protett minn theddid bħal dan. Il-kawża SLAPP tikkonsisti f’azzjoni legali li ssir biex tiċċensura, thedded jew twaqqaf ġurnalist billi tobbligahom bl-ispejjeż tad-difiża legali jekk ma jwaqqfux il-kritika u l-oppożizzjoni tagħhom.