Casa Antonia ħielsa mill-Covid-19

Id-dar tal-anzjani Casa Antonia f’Ħal Balzan ġiet iddikjarata ħielsa mill-Covid-19.

Madankollu, fi stqarrija ntqal li d-dar mhix se tnaqqas il-miżuri li qed tieħu biex tiżgura li r-residenti jkunu siguri, fejn kontinwament twettqu miżuri ġodda skont pariri professjonali.

Casa Antonia kellha l-ewwel każ ta’ coronavirus fit-3 ta’ Settembru. Fit-30 ta’ Settembru, kien fadal każ pożittiv wieħed peress li 34 pazjent kienu fiequ mill-virus. Fl-14 ta’ Ottubru, imbagħad, Casa Antonia kienet iddikjarata totalment ħielsa mill-Covid.

“Dak iż-żmien, meta skoprejna l-ewwel każ, konna qed nirċievu biss viżitaturi bl-appuntament, minn wara perspex screen u konna diġà waqqafna lir-residenti milli joħorġu barra mid-dar, ħlief għal appuntamenti mediċi urġenti. Swabbing regolari tar-residenti u tal-istaff kompla jsir sa minn Marzu, filwaqt li d-dar qatt ma kienet miftuħa biex viżitaturi jidħlu taħt ċirkostanzi normali. Bħala riżultat taż-żieda fin-numru ta’ każi ta’ Covid f’Malta, konna ilna nsegwu proċeduri aktar rigorużi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa sa mis-7 ta’ Awwissu,” qalet Dr Cassar.

Il-każi żdiedu gradwalment u, fit-13 ta’ Settembru, instabu 13-il każ ġdid. Malli nstab l-ewwel każ waqt li kienu qegħdin isiru l-protokolli kontinwi ta’ swabbing, ir-residenti kollha ntalbu biex jiżolaw ruħhom fil-kmamar rispettivi tagħhom, filwaqt li kemm ir-residenti kif ukoll l-istaff kollha kienu immedjatament swabbed u mbagħad swabbed mill-ġdid wara erbat ijiem. L-ikliet kollha kienu servuti fil-kmamar, filwaqt li l-viżitaturi u kull min kien qed jipprovdi servizzi esterni, inkluż fiżjoterapisti u servizzi simili, twaqqfu kompletament milli jidħlu fid-dar. Ir-residenti kollha li ma kinux pożittivi komplew jkunu swabbed kull tlett ijiem. Residenti li kellhom sintomi jew li kellhom bżonn kura kienu iżolati fit-taqsima ta’ dipendenza għolja. Residenti li setgħu kienu f’kuntatt ma’ kwalunkwe każ pożittiv mal-ewwel tqiegħdu kwarantina. Sadanittant, Casa Antonia kontinwament żammet lill-qraba rispettivi infurmati b’kull riżultat.

Il-konsulent ġerjatriku Dr Zaid Teeby u t-tabib tas-saħħa primarja Dr Leonard Callus żaru lil kull resident pożittiv ta’ kuljum biex jeżaminaw il-progress li kienu qegħdin jagħmlu.

Casa Antonia

Dalgħodu Malta kellha l-50 mewta bil-coronavirus, dik ta’ anzjan ta’ 77 sena li kien ġo dar tal-anzjani.