Carroll jerġa’ jsib il-forma antika tiegħu

Meta llum jagħlaq 29 sena, is-sit Taljan tuttomercato.it tkellem  fit-tul fuq l-attakkant ta’ West Ham Andy Carroll u l-istorja mqallba tal-karriera tiegħu.
Dan il-plejer bħalissa qed jispikka ferm mal-Hammers hekk kif skorja żewġ gowls fl-aħħar żewġ partiti u qed jerġa’ jikseb il-forma antika tiegħu.
Carroll beda l-karriera tiegħu ma’ Newcastle fejn fl-eta’ ta’ 17-il sena ddebutta fil-Premier League Ingliż u f’ħames snin mal-Magpies spikka ferm hekk kif skorja xejn anqas minn 31 gowl.
Liverpool kienu mpressjonati bit-talent ta’ dan il-plejer u fis-sena 2011 akkwistawh għas-somma ta’ 42 miljun ewro sabiex sar it-tieni l-iktar plejer Ingliż mħallas fl-istorja dak iż-żmien.
Madankollu dan l-akkwist xejn ma rnexxa għax bejn il-ħajja ta’ xalar li kien jgħix u bejn l-injuries illi beda jsofri ftit ta kontribut lir-Reds  fis-sentejn illi dam magħhom.
Fis-sena 2013 huwa ġie ngaġġat minn West Ham u wara perjodu xi ftit imħarbat, jidher illi dan il-plejer twil rabba l-għaqal u filwaqt illi qed jagħti wirjiet tajba, xi dilettanti tal-futbol Ingliż saħansitra qed jispekulaw illi jista’ jiġi msejjaħ mill-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Gareth Southgate għall-partiti ta’ ħbiberija illi għandhom l-Ingilterra fix-xhur illi ġejjin bi tħejjija għat-Tazza tad-Dinja.