Caroline Muscat b’unur ġurnalistiku f’Berlin

Twitter / @RSF_inter

Read in English.

Il-ko-fundatriċi ta’ The Shift News u ġurnalista Caroline Muscat rebħet l-Unur għall-Ġurnaliżmu Indipendenti 2019 fil-Press Freedom Awards li saru ‘l bieraħ f’Berlin.

L-Unur għall-Ġurnaliżmu Indipendenti jingħata lill-ġurnalisti li jkunu qed jirriżesistu pressjoni finanzjarja, ekonomika, politika jew reliġjuża.

AQRA: Filmat: “SLAPP huwa ta’ theddia għall-ġurnalisti” – Caroline Muscat

Hi ddedikat l-unur lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha, li baqgħu jiġġieldu għall-ġustizzja minkejja kollox.

The Shift News twaqqaf wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia fl-2017.

L-għaqda internazzjonali Reporters Without Borders (RSF) iddeskriviet is-sit The Shift News bħala wieħed kommess li jinvestiga stejjer b’mod indipendenti. L-RSF qalet li ħafna mill-midja f’Malta hi “servili” għall-gvern.

RSF semmiet kif Muscat esponiet diversi kazijiet ta’ korruzzjoni f’Malta li fihom ġew implikati politiċi Maltin.

Il-Press Freedom Awards twaqqfu fl-1992. Fost dawk li ngħataw dan l-unur hemm Liu Xiaobo u l-blogger mill-Arabja Sawdija Raif Badawi. Ma’ kull unur jingħata premju monetarju ta’ €2,500.