Caroline Farrugia Frendo tinħatar Maġistrat

Caroline Farrugia Frendo llum wara nofsinhar ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala Maġistrat.
Waqt iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rriflettiet fuq id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-istrateġija għad-drittijiet tat-tfal għas-snin 2016 sa 2021, li għadha kif tnediet mill-Kunsill tal-Ewropa f’Sofia fil-Bulgarija.
Il-President appellat biex it-tfal ikollhom aċċess effettiv għas-sistema legali Maltija. Saħqet li dan mhux biss dritt fundamentali uman, imma wkoll dritt li jiftaħ u jagħti assigurazzjoni biex jiksbu u jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal.
Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li t-tfal iridu jkunu kapaċi jifhmu, jużaw u jafdaw is-sistemi legali li jipproteġu u jiffaċilitaw id-drittijiet umani tagħhom.
Il-President tappella lill-membri tal-ġudikatura biex jagħtu aktar widen lit-tfal
Filwaqt li rrikonoxxiet lil dawk il-membri tal-ġudikatura, li diġà jagħtu widen lit-tfal u lill-persuni vulnerabbli, appellat lill-membri kollha tal-ġudikatura biex kulħadd isegwi dawk il-prattiċi, li jagħtu aċċess u widen lil kulħadd, inklużi t-tfal u dawk vulnerabbli bħal persuni b’diżabilità u anzjani.
Appellat ukoll lill-awtoritajiet biex jipprovdu t-taħriġ meħtieġ għall-membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam.
Ritratt: DOI